12-il bastiment mitluq qed jitneħħew mill-Port il-Kbir bħala riġenerazzjoni tal-Port

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħlijiet għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir bħalissa għaddejjin ġmielhom u madwar 12-il bastiment mitluq qed jitneħħew mill-Port il-Kbir.

Il-Ministru Borg qal li Transport Malta, flimkien ma’ Infrastructure Malta, daħlet għal numru ta’ proġetti stabbiliti biex tirriġenera l-port, biex b’hekk itejbu mhux biss is-servizzi li jistgħu jiġu offruti iżda wkoll il-flessibilità li l-port jista’ joffri lill-industrija tat-tbaħħir f’Malta b’mod sħiħ. Il-ministru qal dan waqt li kien qed isegwi operazzjoni li kienet qed issir fejn kien qed jittella’ bastiment. 

Żied jgħid li: “l-port tagħna għandu importanza strateġika. Huwa port li għandu użu differenti; ta’ livell industrijali, ta’ merkanzija imma anka turistiku u allura kull post li għandna f’dan il-port jeħtieġ li jkun utilizzat tajjeb.”

Il-kumplessità ta’ dawn l-operazzjonijiet m’għandhiex tiġi sottovalutata u dan meta wieħed jinnota li numru ta’ bastimenti, li huma fi stat ta’ tifrik, huma kompletament mgħaddsa, u dan iżid mal-kumplessità tat-tagħmir u mal-esperjenza meħtieġa fil-proċess tat-tneħħija.

Barra minn hekk, iċ-ċirkostanzi li jdawru kull bastiment, li issa huma meqjusa bħala mhux tajbin għall-baħar, ivarjaw sal-punt li kull bastiment irid jiġi trattat b’mod differenti, bi proċessi kemm legali kif ukoll loġistiċi magħmula apposta għal kull każ. Dawn il-proċessi bħalissa għaddejjin flimkien ma’ numru ta’ operazzjonijiet li sal-lum diġà rkupraw numru ta’ bastimenti.

Share With: