Żwieġ annullat għax meqjus ‘one way ticket’ għall-Ewropa

Imħallef annullat żwieġ bejn koppja, wara li semgħet kif il-mara, li hija ta’ nazzjonalità barranija, kienet iżżewġet biss biex tkun tista’ tikseb ‘one way ticket’ għall-bqija tal-Ewropa. 

Kien ir-raġel, li huwa ta’ nazzjonalità Maltija, li talab lill-Qorti tal-Familja biex jiġi annullat iż-żwieġ. Fl-affidavit tiegħu, ir-raġel spjega li huwa kien iltaqa’ l-ewwel darba magħha f’Tas-Sliema waqt li hija kienet fuq btala hawn Malta. 

Meta marret lura pajjiżha, il-partijiet baqgħu jikkomunikaw flimkien permezz ta’ Skype u kien ir-raġel li għamel tajjeb biex ġiet lura Malta, għaliex kieku ma sarx hekk, ma kienx se jkun possibbli għaliha biex tagħmel dan.

Stqarr li l-mara kienet tal-affari tagħha, dħulija, ferriħija u kienet grata lejh għax kien bis-saħħa tiegħu li ġiet Malta u anke bdiet tirsisti biex jiżżewġu, kif fil-fatt ġara. Huma kienu żżewġu ċivilment fl-2016 u minn dan iż-żwieġ ma’ kellhomx ulied.

Ġara li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda jirrealizza li hija kienet qiegħda tużah biex tkun tista’ tibqa’ hawn Malta. Fil-fatt, huwa qal li wara li żżewġu, il-mara kienet inbidlet mil-lejl għan-nhar u fejn qatt ma kienet tmiss l-alkoħol bdiet tixrob kuljum sakemm tisker, u kienet taqleb fuq l-inbid mal-ġurnata sakemm tisker, kif għamlet dakinhar taż-żwieġ.

Huwa żied jgħid ukoll li kien hemm episodji fejn martu kienet anke spiċċat l-isptar minħabba l-alkoħol. Sostna li kemm ilha li telqet minn Malta, huwa qatt ma sema’ b’aħbarha ħlief darba, ftit wara li telqet. 

Kien hawn fejn irrealizza li hija kienet iżżewġitu bl-iskop li tgħix u taħdem Malta u sabiex eventwalment titlaq minn Malta biex taħdem fl-Ewropa. Din kienet ix-xewqa tagħha, liema xewqa għarrfitu biha wara ż-żwieġ. 

Min-naħa tagħha, il-mara ma ressqet l-ebda fil-provi fil-Qorti u dan hekk kif l-avukati li tqabbdu biex jassistuha ma rnexxilhomx jintraċċawha. B’hekk kien impossibbli għalihom li jikkomunikaw magħha u jressqu xi provi.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, innotat li ż-żwieġ bejn il-partijiet kien wieħed ta’ konvenjenza, fejn l-intiża tal-mara kienet li tiżżewweġ biex tkun tista’ tirrisjedi hawn Malta, tikseb karta tal-identità Maltija, u permezz tagħha tkun tista’ tivvjaġġa u tgħix fil-kumplament tal-Ewropa. 

“Mill-provi li tressqu, jidher ċar illi dan iż-żwieġ għall-mara kien sempliċiment wieħed ta’ konvenjenza li daħlet fih biss għaliex ħasbet li r-raġel kien l-aħjar mezz biex hija tikseb ‘a one way ticket’ għall-bqija tal-Ewropa,” qalet l-Imħallef Padovani Grima. 

Kien għalhekk li filwaqt li laqgħet it-talba mressqa mir-raġel, iddikjarat iż-żwieġ bejn il-partijiet bħala wieħed null. 

Share With: