Żieda fl-attentati tas-suwiċidju u s-self harm

Miktub minn CARMEN CACHIA

Crisis Resolution Malta bħalissa tinsab imħassba ferm minħabba żieda konsiderevoli ta’ telefonati għall-għajnuna. Din iż-żieda hija riżultat ta’ kriżijiet ta’ natura ta’ self harm b’riskju serju jew kontemplazzjoni ta’ suwiċidju. F’Malta żdied ukoll in-numru ta’ persuni li qegħdin jinkwetaw bis-serjetà għall-qraba u għall-maħbubin tagħhom minħabba li dawn jidħlu fi kriżi serja. dan is-sit ikkonferma din l-emerġenza tas-saħħa mentali fi żmien il-Covid-19 ma’ Dr Mark Xuereb, Kap tal-Crisis Resolution Malta. Huwa qal lil dan il-ġurrnal li f’dan il-perjodu raw żieda ta’ kważi 20% fit-telefonati li s-soltu jirċievu, kif ukoll qiegħed ikollhom joħorġu għal interventi urġenti ta’ għajnuna aktar ta’ spiss u dan b’mod speċjali filgħaxijiet fi tmiem il-ġimgħa.

“Fil-fatt, qiegħed ikollna iktar call outs u assessjar fuq il-post fil-weekend. Aħna qegħdin nikkollaboraw mas-servizzi tal-Protezzjoni Ċivili, mal-Pulizija, kif ukoll ma’ entitajiet u individwi oħra biex ngħinu lil min huwa fi kriżi. Il-każijiet li jirrikjedu għajnuna barra bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa sal-Ħadd, żdiedu wkoll bejn 8-15%,” ħabbar Dr Xuereb.

Żmien iebes li hemm min qiegħed isibha diffiċli biex jadatta

Minn mindu bdiet il-pandemija s’issa, ir-rata tas-suwiċidju f’Malta ma varjatx ħafna aktar minn normal, jiġifieri għad għandna medja ta’ persuna kull ġimgħatejn li ttemm ħajjitha. Iżda, li qiegħed jinkwieta lill-professjonisti hija iż-żieda fir-rata tas-self harm, bl-aktar popolari dik li jaqtgħu lilhom infushom u l-attentati fihom infushom tas-suwiċidju. Hawnhekk il-Crisis Resolution Malta qiegħda tara  żieda ta’ madwar 18% minn dak li kien ikollna qabel. 

L-iżolazzjoni soċjali qiegħda tkun iebsa biex in-nies jadattaw għar-realtà l-ġdida li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19. 

Huwa qal li din is-sitwazzjoni qiegħda tħassibhom ħafna u dan għal diversi raġunijiet. Apparti l-fatt li matul dawn iż-żminijiet ikun hemm tendenza minħabba diversi fatturi fosthom l-eżamijiet li għadhom kemm għaddew xi ġimgħat ilu, Dr Xuereb semma’ dik tal-Covid-19. F’dawn iż-żminijiet jista’ jkun ikun għaddej l-inkwiet tal-futur tan-nies minħabba l-biżgħa tal-pandemija. Huwa għalhekk li nbdew ħafna inizjattivi minn għaqdiet u kollegi tal-Crisis Resolution Malta, li tant jagħmlu xogħol tajjeb biex bħala tim jaħdmu ħalli jikkontrollaw din il-kriżi psikoloġika.

“Irridu nkomplu naħdmu. Irridu nwettqu strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju. Irid ikollna tim aktar estensiv tal-Crisis Resolution. Proprju b’dan l-iskop inħabbar li dalwaqt se jkollna estensjoni tas-servizzi tagħna permezz ta’ App fuq il-mowbajl,” kompla Dr Xuereb. 

Permezz ta’ din l-App ġdida mill-Crisis Team, min ikun fi stat ta’ kriżi, jista’ jkollu aċċess għal chat privata u jekk hemm bżonn anonima. Barra minnhekk, ladarba tibda din l-inizjattiva, dak li jkun se jkollu aċċess għal informazzjoni għala s-suwiċidju m’huwa qatt is-soluzzjoni u tagħrif disponibbbli għall-qraba biex ikunu jafu aktar dwar il-kundizzjoni tas-self harm u xi jwassal għalihom. B’dan il-mod innovattiv, dawk inkwetati għal xi persuna fi kriżi, ikunu jistgħu jgħinuha b’pariri, kif ukoll immaniġjar aħjar tal-istat li jinsabu fih u jirrikorru għall-għajnuna li tant hemm bżonn għand il-Crisis Team. 

“F’din l-App hemm ukoll buttuna speċjali biex tkun tista’ titkellem mill-ewwel mas-serizzi tagħna, filwaqt li jkollna l-post eżatt fejn tkun il-persuna biex ikun possibbli għat-tim isib lil dik il-persuna u jibagħat għall-għajnuna li jkollha bżonn”. 

Medja ta’ telefonata kull kwarta

Hawnhekk wieħed ma jistax ma jsemmix ix-xogħol imprezzabbli ta’ dawk in-nies li jagħmlu xogħol ta’ volontarjat. Il-Crisis Resolution Malta issa daħlet fil-11-il sena tagħha fejn bla waqfien irċeviet eluf ta’ telefonati u għenet lil ħafna nies f’Malta. 

Bħala Kap ta’ dan it-tim, Dr Xuereb qasam magħna li, “qiegħed ikollna medja ta’ telefonata kull kwarta fil-peak hours u dawn it-telefonati jkunu mqassmin – madwar 35% telefonati minn qraba mħassba minħabba stat ta’ kriżi fl-għeżież tagħhom; u l-bqija – 65% huma min-nies li verament iridu u jkollhom bżonn l-għajnuna”. 

Għalih dan ifisser li hemm bżonn ta’ aktar servizzi u li jkomplu jaħdmu fuq ix-xogħol li l-Gvern, flimkien ma’ inizjattivi oħra, qiegħed jagħmel. Is-servizz mill-Crisis Resolution Malta huwa wieħed speċjalizzat u l-uniku wieħed fuq is-suwiċidju u s-self harm. Flimkien ma’ għaqdiet oħra, jaħdmu u jirċievu r-referrals ħalli jagħtu għajnuna bla ħlas permezz tat-telefon, interventi u dalwaqt permezz ta’ din l-App il-ġdida.

Permezz tat-teknoloġija Crisis Resolution Malta se jkunu jistgħu jilħqu aktar nies u, “b’hekk nevitaw is-suwiċidju. It-teknoloġija mhux biss tgħinna nidħlu fid-djar tan-nies imma anke fl-ispazju personali tagħhom. Hemm bżonn imma, li noħorġu hemm barra għal min m’għandux faċilitajiet tat-teknoloġija”. 

Dr Mark Xuereb qalilna li faxxa komuni li qiegħda tikber ta’ self harm, hija ta’ persuni bejn il-15 u kważi t-30 sena. Hawn qegħdin nitkellmu fuq studenti u persuni li qegħdin jibdew ħajjithom, il-karriera tagħhom u/jew li se jiżżewġu. Importanti allura li nilqgħu lil dik il-faxxa. 

“Importanti wkoll li ma ninsewx faxxa oħra – li huma dawk in-nies kważi pensjonanti u/jew divorzjati/separati fejn is-solitudni hija kruċjali. Huwa importanti li wieħed jindirizzaha. Permezz ta’ inizjattiva oħra li se nibdew nagħmlu, jiġifieri dik ta’ kartolini li se nibagħtu bil-posta għal dawk li m’għandhomx aċċess għall-Internet jew ma jafux jużaw, nuru li aħna qegħdin hemm. Fuqhom jidher in-numru tat-telefon tal-Crisis Resolution. Numru, li qatt ma jieqaf, jagħti wens u għajnuna lil kull min ikollu bżonn,” sostna l-Kap tal-Crisis Teeam. 

Dawn it-tip ta’ kartolini kellhom u għad għandhom suċċess ipprovat xjentifikament, għal ħafna snin madwar id-dinja għal ħafna snin. Dr Xuereb qal li bħala tim se jaħdmu mal-parroċċi, fil-komunitajiet, ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, kif ukoll mal-Kunsilli Lokali, biex ikunu jistgħu joħorġu barra u jgħinu aħjar. 

Għajnuna speċifika għall-frontliners u dawk li mardu bil-Covid-19

Apparti s-solitudni u s-separazzjoni, hemm fatturi oħra ta’ riskju għas-suwiċidju u s-self harm bħal meta sseħħ xi mewt fil-familja, aħbar ta’ xi marda, problemi ta’ droga u/jew alkoħol, ibbuljar. 

“Entità oħra li bħalissa qegħdin naraw hija dik tal-long haulers tal-Covid-19. L-effetti fit-tul tal-pandemija jistgħu jkunu kroniċi li jaffettwaw lill-ġisem u anke lill-moħħ. Il-ġisem permezz ta’ ġrieħi permanenti fl-organi jistgħu jillimitaw il-funzjonijiet tal-ġisem li jwasslu għal problemi varji fosthom ta’ wġigħ, għejja u dipressjoni. Dawn huma sintomi li tarahom f’mikrobi u virusi oħra, però l-Covid-19 huwa fenomenu relattivament ġdid li aħna lesti u qegħdin nippreparaw proġetti oħra biex nagħtu għajnuna speċifika lil dawn in-nies,” kompla Dr Xuereb.

F’dawn iż-żminijiet diffiċli importanti li nsemmu lill-frontliners li qegħdin jieħdu ħsieb lil dawn in-nies, bħama huma t-tobba, l-infermiera, il-Pulizija, il-ħaddiema soċjali u dawk kollha li joħorġu biex jgħinu lill-anzjani. Rigward dawn, il-Crisis Team, ukoll qiegħed jara żieda fil-problemi tas-saħħa mentali fosthom. 

Dr Xuereb ikkwota studju li ħareġ mill-Ingilterra din il-ġimgħa. Dan juri li l-anestesti li jaħdmu viċin persuni bil-Covid-19 qegħdin iħossuhom mhux biss anzjużi ħafna u b’dipressjoni – żieda ta’ kważi 8% – imma saħansitra jixtiequ li jieqfu mix-xogħol.

“Dan jinkwetana ferm u dan minħabba li, l-ewwel aħna rridu nieħdu ħsieb lil dawk li qegħdin jieħdu ħsieb lill-popolazzjoni u t-tieni, dawn huma nies li għandhom krizi u għalhekk din l-App se tkun indirizzata lejhom ukoll. Jekk ma nieħdux ħsieb l-armata tagħna li tant qiegħda tagħmel xogħol siewi, fis-skiet tax-xogħol tagħhom, hemm ċans li s-sistema tikrolla,” wissa l-psikjatra. 

Il-Crisis Resolution Malta lesti jgħinu u jkellmu lil dawn in-nies bil-għan li nilqgħu għall-problemi tas-saħħa mentali. Dr Xuereb qal li anke l-professjonisti, bħalma huma l-psikjatri, l-anestestisti u l-infermiera, għandhom problemi u kriżijiet ta’ suwiċidju. Il-Crisis Team u s-servizzi offruti, qegħdin hemm biex inkomplu nnaqsu din il-ġerħa li ħafna drabi mhux kulħadd jinduna biha. 

“Se nagħtu servizz speċifiku għal dawn il-frontliners permezz tal-App u mmorru niltaqgħu magħhom fuq il-post tax-xogħol. Xi drabi, minħabba mistħija u/jew stigma, dawn il-professjonisti jżommu kollox għalihom b’konsegwenza li jiżdied ir-riskju ta’ suwiċidju u s-self harm. Aħna se nagħmlu counter measure bi proġett biex noħorġu hemmhekk,” spjega Dr Xuereb. Għal min bata għax kellu l-Covid-19 il-Crisis Team se joħorġu fil-komunità u grazzi wkoll għall-użu tat-teknoloġija, se jagħmlu screening u assessjar ta’ riskju għal dawn in-nies ukoll.

Kriżi li għandna ndawwruha f’opportunità biex ningħaqdu…

Il-Kap tal-Crisis Team qal li, “dan kollu qegħdin nagħmluh biex nilqgħu għal din il-mewġa globali li għaddejjin minna kollha kemm aħna. Ma ninsewx li kull darba li persuna tipprova tneħħi ħajjitha, din il-persuna tidħol f’riskju ta’ mitt darba iżjed li twettaq suwiċidju. Barra minnhekk, kull meta persuna tneħħi ħajjitha, hemm aktar ċans li l-qraba tagħha jkollhom problema ta’ saħħa mentali serji tul għomorhom; 60% tagħhom joħorġu mill-impjieg; 80% joħorġu mill-edukazzjoni; oħrajn ikunu marġinalizzati; hemm minnhom li ma jiżżewġux; ikunu stigmatizzati; kif ukoll ineħħu ħajjithom b’idejhom huma wkoll”.

Jagħmel sens ħafna li nwaqqfu s-suwiċidju. Jagħmel sens ħafna li nkomplu bix-xogħol siewi li diġà sar biex titfassal l-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju li taħdem id f’id mal-istrateġija nazzjonali tas-saħħa mentali li l-Gvern fassal ftit ta’ snin ilu.

Dr Mark Xuereb temm jgħid li bħala m’għandna servizz ta’ emerġenza tal-aqwa livell, irridu li nkomplu naħdmu u nkabbbru biex ikun hemm post ta’ Crisis Team fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-isptar mgħammar bl-apparat meħtieġ, isir it-taħriġ u jissaħħu r-riżorsi umani. Dan bl-għan speċifiku li niżguraw is-saħħa mentali tal-poplu tagħna għax mingħajr saħħa fiżika m’hemmx saħħa mentali u dan japplika wkoll viċi versa. Ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra. 

Fittex l-għajnuna…

Crisis Resolution Malta, fid-dawl tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha, tappella għal kollaborazzjoni u ħidma konġunta kif ukoll tilqa’ fi ħdanha lil dawk li jridun jagħtu kontribut bħala volontarji. Kull min jixtieq jgħin jista’ jagħmel kuntatt magħhom ħalli din il-problema li qiegħda tikber, inrażżnuha għal pajjiż aħjar.

Kull min huwa għaddej minn xi kriżi jew tafu  lil xi ħadd fil-periklu li jagħmel suwiċidju jew self harm, ċemplu fuq il-hotline tal-Crisis Resolution Malta fuq: 9933 9966 jew żuru l-papna tal-Facebook tagħhom.

Share With: