Żewġt idjar oħra fil-komunità għall-persuni b’diżabilità

Mistennija jinfetħu sal-aħħar tas-sena b’investiment ta’ aktar minn €1.5 miljun

Minn Claudio Coleiro

Sal-aħħar ta’ din is-sena, mistennija jinfetħu żewġt idjar oħra fil-komunità għall-persuni b’diżabilità – waħda fiż-Żurrieq u l-oħra fil-Qrendi – b’investiment ta’ aktar minn €1.5 miljun. 

Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli waqt li kienet qiegħda tindirizza konferenza bit-tema “Ġustizzja Soċjali – It-Triq ‘il Quddiem.” 

Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet kif f’dawn l-aħħar snin, Gvern Laburista kompla jżid il-baġit allokat għall-persuni b’diżabilità filwaqt li inċentiva lil min iħaddem biex jimpjega persuni b’diżabilità.

“Inċentivajna lill-persuni b’diżabilità biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol billi ntuhom pensjoni sħiħa tad-diżabilità. Ħsibna wkoll fil-ġenituri tagħhom u sar ukoll tibdil fis-servizzi tar-respite,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli li żiedet tfakkar kif sa issa nfetħu 10 ċentri fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.

Hija semmiet ukoll kif il-fondi allokati għall-programmi u inizjattivi għad-diżabilità fl-aħħar tal-2012 kienu jammontaw għal €1,028,000 waqt li għal din is-sena hemm allokati aktar minn €13.8 miljun f’dan is-settur. 

Il-Ministru Farrugia Portelli kompliet tgħid li l-investiment li qed isir fl-Aġenzija Sapport huwa wieħed b’saħħtu hekk kif għal din is-sena hemm allokati €12.5 miljun, li jfisser żieda ta’ erba’ miljun meta mqabbel mal-fondi li kienu qed jingħataw seba’ snin ilu.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon enfasizza li l-ġustizzja soċjali hija mifruxa fuq ħafna nies u li kulħadd għandu dritt għaliha. 

Huwa qal li l-ġustizzja soċjali tipprovdi opportunità lil kulħadd biex jilħaq il-potenzjal tiegħu. Kien hawn fejn semma li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għal ħafna nies li biha jistgħu jtejbu ħajjithom. 

“Il-ġustizzja soċjali hija wkoll li kulħadd ikollu tal-inqas darba f’ħames snin, id-dritt li jsemma’ leħnu. Li tagħti d-dinjità u l-wens fejn hemm bżonn. Li taħdem għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Li wieħed ikun imħallas b’mod diċenti għax-xogħol li jagħmel. Li tagħti l-libertajiet ċivili. Irridu naħdmu wkoll biex inżommu l-pensjonijiet sostenibbli u naraw li jkunu adegwati,” kompla jgħid il-Ministru Falzon. 

Huwa temm jgħid li: “għaddejna minn żmien diffiċli. Irridu naħdmu aktar f’dan il-perjodu imma l-importanti huwa li nkunu hemm. Irridu ndaħħlu f’moħħna li ħadd ma għandu monopolju fuq il-ġustizzja soċjali. L-obbligu tagħna bħala Gvern, il-Knisja li wkoll għandha rwol importanti f’pajjiżna u l-NGOs u n-nies t’hemm barra, kollha nistgħu nagħmlu xi ħaġa għal ġustizzja soċjali aħjar.” 

Share With: