Żewġ żgħażagħ jammettu li serqu appliances minn appartamenti fi stat ta’ kostruzzjoni

Żewġ żgħażagħ ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ammettaw li serqu domestic appliances minn numru ta’ appartamenti li kienu għadhom mhumiex abitati u li kienu fil-proċess li jitlesta x-xogħol fuqhom.

Leon Lee Zammit ta’ 21 sena minn Ħal Lija, tressaq taħt arrest flimkien ma’ żagħżugħ ieħor, li ismu ma jistax jixxandar minħabba li kien għadu minuri meta seħħew ir-reati.

Iż-żewġ żgħażagħ ġew mixlijin b’erba’ istanzi separati ta’ serq aggravat li jmorru lura għas-sena li għaddiet. Fis-6 u t-8 ta’ Ottubru kienu nsterqu afarijiet minn appartamenti fil-Mosta u l-Imġarr rispettivament, b’jiem wara fil-lejl ta’ bejn it-12 u t-13 ta’ Ottubru il-proprjetà fl-Imġarr reġgħet sfar għal darba oħra fil-mira tas-serq.

Matul dak il-lejl kienu nsterqu wkoll affarijiet minn appartament ieħor fl-Imġarr li kien fi stadju ta’ kostruzzjoni.

L-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia qalu lill-Qorti li minn fuq ix-xena tar-reat kienu ġew elevati marki tas-swaba’ li wasslu lill-investigaturi għal wieħed mis-suspettati.

Qalu wkoll li hekk kif komplew l-investigazzjonijiet, aktar xhieda li nġabret – fosthom informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni tal-mowbajl, u messaġġi – eventwalment wasslu għat-tieni suspettat.

Iż-żewġ żgħażagħ sussegwetement ġew arrestati u tressqu il-Qorti, fejn ammettew l-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom.

Zammit ġie mixli separatament li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu ta’ sentenza sospiża preċedenti, li kiser ordni ta’ probation, u li kien sar riċediv.

Iż-żagħżugħ l-ieħor separatament kien akkużat li kiser ordni ta’a probation.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ġiet informata li l-akkużati kienu kkoperaw mal-investigaturi, fejn anke qalu lill-Pulizija li kienu wħud mill-affarijiet misruqin fuq Facebook.

L-avukati li assistew liż-żgħażagħ talbu l-ħelsien mill-arrest taħt superviżjoni sakemm tingħata s-sentenza fil-konfront tagħhom, biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jfittxu għajnuna għall-problemi tagħhom u li qed iwassal għall-aġir kriminali tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tad-Difiża.

Il-Qorti għaldaqstant laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ żgħażagħ fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-Qorti ordnat ukoll li ż-żgħażagħ jitpoġġew taħt curfew filwaqt li jirċievu trattament għall-problemi tagħhom.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għaż-żagħżugħ li ismu ma jistax jixxandar, filwaqt li l-avukat Rachel Tua assistiet lil Zammit.

Share With: