Żagħżugħ ipprova jweġġa’ lilu nnifsu fiċ-ċella wara li ġie arrestat b’rabta ma’ attentat ta’ serqa fil-Marsa

Eritrean ta’ 18-il sena, qiegħed jinżamm taħt arrest wara li nqabad fil-fatt jisraq minn residenza privata fit-Telgħa tal-Giżwiti, il-Marsa. Kienu għall-ħabta tas-2:30 a.m, xħin il-Pulizija ġiet infurmata mir-residenti tal-istess dar li hemm bżonn l-assistenza għax issuspettaw li daħal xi ħadd biex jisraq.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post, bdew ifittxu fir-residenza u raw raġel fil-bitħa. Il- pulizija ordnaw lil dan ir-raġel biex jieqaf, imma minflokk, huwa qabad martell u beda jheddidhom bih. Il-pulizija taw ordni lir-raġel biex ineħħi l-martell minn idu, iżda injora l- ordinijet u beda jersaq fid-direzzjoni tagħhom. Kien hawn li kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u ġie arrestat.

Ir-raġel ittieħed il-lock-up il-Floriana u minn tfittxija li saret fuqu, instabet sustanza aktarx kannabis. Aktar tard, għall-ħabta tal-5:00 a.m, l-istess raġel ipprova jweġġa’ lilu nnifsu waqt li kien fiċ-ċella tiegħu, iżda twaqqaf mill-ewwel b’intervent f’waqtu tal-Pulizija. Huwa ttieħed l-isptar għal kura meħtieġa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Share With: