Żabbari jeħel 30 xahar ħabs fuq żewġ serqiet

Ġuvni ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar kien ikkundannat 30 xahar ħabs wara li l-ġimgħa li għaddiet ammetta li wettaq żewġ serqiet minn fuq żewġ persuni.

Jehiel Falzon kien ammetta li fid-9 ta’ Jannar li għadda seraq oġġetti minn fuq Maria Assunta Micallef u li l-għada 10 ta’ Jannar seraq Citroen b’dannu għal Joseph Fenech.

Minbarra l-piena ta’ ħabs il-Maġistrat Neville Camilleri rabat lil Falzon b’garanzija personali ta’ €2,000 li jeħilhom multa jekk idejjaq liż-żewġ vittmi.

Huwa ta parir lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jgħin liż-żagħżugħ jiffaċċja l-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Galia waqt li l-Avukat Martin Fenech deher għaż-żagħżugħ.

Share With: