‘White paper’ dwar il-kannabis

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li se tittratta l-ammont tal-pussess sempliċi u t-tkabbir tal-pjanta għall-użu personali

Il-Prim Ministru Robert Abela iddikjara li l-‘white paper’ li l-Gvern se joħroġ dwar il-kannabis għall-użu personali mhux biss se tkun qed tipproponi li żżid l-ammont fuq dak li jista’ jkollu biex ma jitressaqx fil-Qorti jew quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga imma anke titkellem dwar l-ammont ta’ pjanta li tista’ titkabbar fid-djar.

Huwa irrimarka dan fi tmiem ‘business breakfast’ organizzat mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u l-Bord Nazzjonali tal-Produttività dwar il-produttività.

Abela qal li fil-kabinett se tibda diskussjoni dwar it-tibdil li jeħtieġ isir fil-liġi u għalkemm għamilha ċara li l-pajjiż mhux sejjer minn estrem għal ieħor insista li ma jistax ikun li żagħżugħ  li jinqabad b”joint’ jiġi arrestat, interrogat u mressaq fil-Qorti jew il-bord li jittratta każijiet ta’ droga.

Fir-rimarki tiegħu l-Prim Ministru tenna wkoll li għadu fiduċjuż li f’Marzu li ġej jibda l-irkupru l-ekonomiku biex sa Mejju s-sitwazzjoni tkun ‘business as usual’ u saħaq li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-‘wage supplement’ wara Marzu.

Huwa żied li għalkemm is-sitwazzjoni mil-lat ta’ pandemija hija stabbli u anke se jaslu dożi tal-vaċċin mir-raba’ kumpanija l-Gvern mhux se jwaqqaf il-miżuri anke għall-fatt li x-xahar id-dieħel ġejja l-festa ta’ San Patrizju u għalhekk ma jkunx għaqli li nirriskjaw dak li nkiseb.

Sadanittant, huwa u jindirizza l-imsieħba soċjali waqt l-imsemmi ‘business breakfast’ il-Prim Ministru enfasizza fuq il-ħtieġa li l-pajjiż jiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali u l-ħarsien tal-ambjent biex flimkien jgħinu lill-pajjiż fl-irkupru ekonomiku ta’ wara l-Covid19. 

Share With: