Unions tal-għalliema ma jaqblux fuq liema tilqima għandhom jieħdu

Żewġ unions tal-għalliema ma qablux fuq liema tilqima għandhom jieħdu. Min-naħa tagħha l-UPE esprimiet ir-riżervi tagħha fuq it-tilqima tal-Astra Zeneca, u qalet li din il-marka tat-tilqima hija allegatament inqas effettiva minn tilqim ieħor bħal dik tal-Pfizer.

Wara li l-UPE ħarġet il-pożizzjoni tagħha, l-Union tal-Għalliema (MUT) għamlitha ċara li tafda fl-esperti mediċi li jiddeċiedu liema vaċċin għandu jingħata u lil min. Qalet li sakemm ma jkollhiex parir għall-kuntrarju, bħala union m’għandniex pożizzjoni favur jew kontra l-użu ta’ xi wieħed mill-vaċċini. 

L-MUT qalet li jekk hemm kwistjonijiet personali, tħeġġeġ lill-edukaturi u staff tal-iskejjel biex dejjem ikellmu lit-tabib tagħhom ħalli jtihom parir u direzzjoni skont il-każ. Appellat lil kulħadd biex ma naqgħux f’populiżmu u f’għajdut li fl-aħħar mill-aħħar aktar jagħmel ħsara milli ġid.

L-MUT qalet li tinsab infurmata li l-programm tal-awtoritajiet tas-saħħa għat-tilqim tal-edukaturi u staff tal-iskejjel miexi b’ħeffa u din il-ġimgħa se jkun hemm l-ewwel gruppi li se jieħdu l-vaċċin. Qalet li dan jawgura tajjeb għas-saħħa, kemm tal-edukaturi u dawk li jiġu f’kuntatt magħhom, u għall-komunità kollha. 

Share With: