Uffiċjali diplomatiċi mill-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Polonja jitkeċċew mir-Russja b’rabta mal-protesti b’appoġġ għal Navalny

Ir-Russja keċċiet lil tliet uffiċjali diplomatiċi – mill-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Polonja – talli ngħaqdu fi protesti b’turija ta’ appoġġ għall-attivist tal-Oppożizzjoni Alexei Navalny, li aktar kmieni din il-ġimgħa ntbagħat il-ħabs.

Il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qal li t-tliet uffiċjali ħadu sehem f’dimostrazzjonijiet illegali fit-23 ta’ Jannar li għadda.

Il-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Polonja kkundannaw t-tkeċċija tal-uffiċjali tagħhom, l-istess bħalma għamlu r-Renju Unit, Franza u l-Unjoni Ewropea.

Navalny huwa kritiku voċiferu tal-President Russu Vladimir Putin.

It-tkeċċijiet tal-uffiċjali kienet imħabbra ftit sigħat wara li Josep Borrell, il-Kap tal-UE għall-Affarijiet Barranin, kellu laqgħa mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov f’Moska.

Mijiet ta’ eluf ta’ persuni ħadu sehem fil-protesti f’appoġġ għal Navalny, bil-protesti jiżvolġu madwar ir-Russja kolla bejn it-23 u l-31 ta’ Jannar. Eluf ta’ dimostranti ġew arrestati.

Lavrov qal li sanzjonijiet Ewropej b’rabta mat-trattament ta’ Navalny ikunu illeġittimi.

Share With: