Tnejn jispiċċaw l-isptar wara ħabta bejn erba’ karozza f’San Pawl il-Baħar

Żewġ persuni spiċċaw l-Isptar wara ħabta bejn erba’ veturi f’San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija kienet informata dwar l-inċident li seħħ fi Triq il-Mosta għall-ħabta tas-7.30 p.m. tal-bieraħ.

Minnufih marru fuq il-post fejn mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li kien hemm ħabta bejn vettura tat-tip Kia Sportage li kienet misjuqa minn raġel ta’ 60 sena li jgħix in-Naxxar, vettura tat-tip Dacia Sandero li kienet misjuqa minn Taljan ta’ 29 sena li jgħix Ħaż-Żebbuġ, u vettura tat-tip Mazda Demio li kienet misjuqa minn raġel ta’ 25 sena resideni n-Naxxar.

Vettura tat-tip Chevrolet li kienet ipparkjata ġarrbet xi ħsarat wara li ntlaqtet mill-vetturi konsegwenza tal-ħabta.

Mara ta’ 59 sena li tgħix in-Naxxar kienet passiġġiera fil-vettura Kia Sportage.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-mara u lir-raġel ta’ nazzjonalità Taljana l-isptar għall-kura meħtiġa. Aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li ndarab gravi.

Il-persuni l-oħrajn involuti ma sofrew l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Share With: