Tnax-il pjanta tal-kannabis iwaħħluh 10 xhur ħabs

Raġel ta’ 44 sena min-Naxxar kien ikkundannat 10 xhur ħabs wara li fil-garaxx instabulu 12-il pjanta tal-kannabis.

Brian Zammit kien mixli li fis-7 ta’ Lulju 2015, u fix-xhur ta’ qabel, ikkultiva l-pjanta tal-kannabis u kellu fil-pussess tiegħu kemm lilha kif ukoll il-kokaina.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga lil Zammit wara li rċeviet informazzjoni li kien hemm raġel jaġixxi b’mod suspettuż ħdejn garaxx fi Triq Sir William Jervois.

Wara numru ta’ jiem ta’ osservazzjoni l-Pulizija wettqet rejd fil-garaxx fejn sabu kamra tal-injam bil-pjanti tal-kannabis li kienu qed jitkabbru fiha.

Il-pulizija sabu wkoll numru ta’ pjanti fid-dar li fihom kien jgħix mas-sieħba u wara l-interrogazzjoni ressqu lil Zammit fil-Qorti.

L-akkużat insista li d-droga kienet għall-użu tiegħu u sostna li minn dakinhar li nqabad bidel ħajtu, qed jagħmel kors għal bennej u flimkien mas-sieħba qed irabbu lil binhom.

Waqt li sabu ħati tal-pussess tad-droga, il-Maġistrat Neville Camilleri qies, fost oħrajn, li Zammit miexi fit-triq it-tajba.

Kien għalhekk li iddeċieda li jagħtih piena li tqarreb lejn il-minimu u minbarra l-10 xhur ħabs immultat €2,000.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Justine Grech u Nikolai Sant.

Share With: