Tlieta jispiċċaw l-isptar wara ħabta bejn tliet karozzi f’Ħal Tarxien

Tliet persuni spiċċaw l-isptar wara inċident tat-traffiku bejn tliet karozzi f’Ħal Tarxien. L-inċident seħħ fi Triq San Anard għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u mill-ewwel investigazzonijiet irriżulta li fil-ħabta kienu involuti vettura tat-tip BMW misjuqa minn raġel ta’ 67 sena residenti l-Fgura, vettura tat-tip Toyota Ractis li kienet misjuqa minn raġel ta’ 78 sena u li miegħu kien hemm mara ta’ 72 sena t-tnejn li huma mill-Fgura, u vettura tat-tip Skoda li kienet misjuqa minn raġel Ingliż ta’ 69 sena u li kellu mara Ingliża ta’ 73 sena minn Ħaż-Żabbar.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna, b’diversi ambulanzi jieħdu liż-żewġ Ingliżi u lill-mara ta’ 72 sena l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.

Aktar tard ir-raġel kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi, il-mara ta’ 72 sena weġġgħet ħafif, filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara Ingliża għadha mhix magħrufa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Share With: