Tlieta ħatja li ċċirkolaw flus foloz

Żewġt irġiel u mara nstabu ħatja li f’żewġ każijiet separati ċċirkolaw fis-suq flus foloz. L-ewwel każ kien jikkonċerna raġel ta’ 54 sena u ieħor ta’ 47 sena li nstabu ħatja dwar każ li jmur lura 14-il sena.

Francis Frendo u George Debono ġew akkużati li fl-14 ta’ Frar 2006, u fil-ġranet ta’ qabel, f’diversi postijiet f’Malta u anke barra kellhom fil-pussess tagħhom flus foloz u għamu użu minnhom.

Huma kienu mixlijin ukoll li għamlu b’aktar minn €2,300 qliegħ b’qerq b’dannu għall-Oracle Casino tal-Qawra, il-Westin Dragonara Casino ta’ San Ġiljan u l-Casino di Venezia tal-Birgu.

Iż-żewġ akkużati ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-istess maġistrat semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid li ma kienx ħaqqhom piena ta’ ħabs għax għamlu progress matul is-snin.

Mir-rapport tas-‘social worker’ ħareġ li Debono kien jabbuża mid-droga imma llum m’għadux għadu jabbuża minnha u għandu familja waqt li missieru għandu problema ta’ saħħa.

Waqt li Frendo tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sentejn, Debono George tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sena.

Fil-każ l-ieħor, Josephine Farrugia ta’ 49 sena wkoll ammettiet li kellha flus 18-il sena ilu.

Hija wieġbet ħatja li fis-26 ta’ Ġunju 2002, u fil-ġranet ta’ qabel, fil-Belt mexxiet biljetti tal-flus falsifikati.

Farrugia inqabdet b’sitt noti Amerikani tal-$5-il waħda bil-Maġistrat Vella tilliberaha bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien sena.

Il-prosekuzzjoni fiż-żewġ każijiet tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.

Share With: