Tliet stabbilimenti tal-ikel jinqabdu jiksru l-liġi matul tmiem il-ġimgħa

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo ħabbar li mill-ewwel ta’ Frar sal-bieraħ, 14 ta’ Frar saru ’l fuq minn 6,000 spezzjoni mill-ħaddiema tal-awtorità għat-turiżmu flimkien mal-pulizija u l-ħaddiema mid-dipartiment tas-saħħa.

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet bejn il-11 u l-14 ta’ Frar saru xejn anqas minn 3,000 spezzjoni b’1,850 f’Malta. Kien hemm tliet stabbilimenti tal-catering li nstabu qed jiksru r-regolamenti bi tnejn minnhom instabu miftuħin wara l-11:00 p.m u l-każ l-ieħor għadu qed jiġi investigat.

Il-Ministru qal li f’Għawdex issaħħaħ l-infurzar fejn saru 475 spezzjoni fi stabbilimenti tal-Catering u 1400 spezzjoni fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva. Dan kien ifisser li madwar 65% tal-akkomodazzjoni kollettiva f’Għawdex saru spezzjonijiet fihom.

Il-Ministru Bartolo tenna li f’Għawdex ma nstab ħadd li kien qiegħed jikser ir-regolamenti. Huwa ta dawn id-dettalji waqt li aktar kmieni ħabbar proġett ta’ restawr li se jiswa madwar €200,000 għall-faċċata fiż-żona magħrufa bħala ta’ Liesse.

Share With: