Tliet irġiel jammettu li għamlu użu minn testijiet foloz tal-Covid-19 fl-ajruport ta’ Malta

Żewġ irġiel ta’ nazzjonalità Franċiża ngħataw sentenzi sospiżi wara li ppreżentaw lill-awtoritajiet riżultat falz ta’ Covid-19 lill-awtoritajiet Maltin bil-għan li jitilqu minn Malta. Dan filwaqt li raġel ieħor ta’ nazzjonalità Libjana ngħata l-libertà kundizzjonata wara li għen lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom biex isibu lill-persuna li kienet qed tipproduċi d-dokumenti foloz tat-testijiet barra minn Malta.

Tabatoni Samuel Fabrizio Numa, ta’ 26 sena, u Michelosi Arnaud Marine Jean ta’ 25 sena, it-tnejn li huma minn Provence fi Franza, ingħataw sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin wara li ammettew li għamlu dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet u li għamlu użu ta’ dokumenti ffalsifikati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fil-każ tat-tielet akkużat, l-Ispettur Silvio Magro talab li isem l-akkużat ma jixxandarx biex ma jkunux ippreġudikati l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin. Id-difiża ma sabet l-ebda objezzjoni għal din it-talba.

Ir-raġel Libjan li kien arrestat ilbieraħ hekk kif kien se jitlaq minn Malta, ammetta li kien għamel dikjarazzjoni falza mal-awtoritajiet u li kien għamel użu minn dokumenti falsifikati. L-Ispettur Magro qal li r-raġel kien kkopera mal-Pulizija, bl-assistenza tiegħu mistennija li twassal biex il-pulizija ssib min qed joħroġ it-testijiet mediċi foloz.

Id-difiża qalet li r-raġel ried li jitlaq minn Malta minħabba emerġenza ta’ natura familjari. Huwa kien irriżulta negattiv għall-Covid-19.

Share With: