Tliet irġiel fil-Qorti b’rabta mas-sejba ta’ 21 kilo kannabis

Tliet irġiel baqgħu jinżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi dwar l-involviment tagħhom f’ċirku ta’ importazzjoni tad-droga li tkisser mill-Pulizija tard it-Tnejn filgħaxija. 

Huma kienu fost erbgħa li ġew arrestati t-Tnejn filgħaxija wara li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga sabu fridge u chest freezer, li fihom kien hemm xejn inqas minn 21 kilogramma kannabis, f’vann fil-Floriana. Ir-raba’ persuna għadu qed jiġi investigat. Il-valur fit-triq li kieku d-droga nbiegħet tlaħħaq l-€420,000.

Anthony Delia ta’ 47 sena mill-Isla, Rosario Posata ta’ 32 sena minn Sirakuża iżda residenti San Pawl il-Baħar, tressqu separatament fil-Qorti mixlija b’assoċjazzjoni u importazzjoni u pussess tad-droga kannabis. Huma kienu wkoll akkużati bil-pussess tad-droga kokaina. Huma wieġbu mhux ħatja iżda baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. 

Intant, fil-Qorti ħareġ li Posata kien osservat imur f’garaxx f’San Pawl il-Baħar u għaldaqstant il-Pulizija komplew isegwu l-movimenti tiegħu. F’ħin minnhom, żewġt irġiel Taljani dehru joħorġu mill-garaxx u pprovaw jaħarbu malli raw il-pulizija u hemm ġew arrestati. 

Fil-garaxx instabu kaxxi simili ta’ dawk li nstabu fil-vann u f’dar f’San Pawl il-Baħar instabet aktar sustanza ta’ droga kannabis.

Wieħed minn dawn iż-żewġt irġiel kien Giuseppe Schepis ta’ 29 sena. Huwa tressaq il-Qorti akkużat bi traffikar u pussess tad-droga kannabis. Huwa wieġeb mhux ħati u baqa’ jinżamm ukoll taħt arrest preventiv. 

L-Avukati Michael Sciriha, Andy Ellul, Matthew Xuereb, Mario Mifsud, Alex Scerri Herrera u Christian Camilleri dehru għat-tlett irġiel. 

Share With: