Tliet hackers mill-Korea ta’ Fuq mixlijin fl-Istati Uniti bis-serq ta’ €13-il miljun mill-BOV f’attakk ċibernetiku

Tliet hackers minn aġenzija tal-intelliġenza ċibernetika tal-Korea ta’ Fuq ġew mixlijin fl-Istati Uniti li kienu l-moħħ wara s-serq ta’ €13-il miljun mill-Bank of Valletta f’attakk ċibernetiku.

Id-Dipartiment Amerikan tal-Ġustizzja qed jakkuża lit-tliet programmaturi tal-kompjuter li pparteċipaw f’kumplott kriminali biex iwettqu sensiela ta’ attakki ċibernetiċi.

Huma qed jiġu akkużati bis-serq u l-estorsjoni ta’ aktar minn €1.07 biljun fi flus u crytocurrency minn istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji madwar id-dinja.

Il-hackers irnexxielhom jaċċessaw is-sistema tal-informatika tal-Bank of Valletta u rnexxielhom jisirqu miljuni ta’ ewro fl-2019.

F’komunikat f’Mejju tal-2019, il-bank kien qal li kien irkupra €10 miljun mis-somma totali li nsterqet.

It-tliet hackers huma Jon Chang Hyok ta’ 31 sena, Kim Il ta’ 27 sena, u Park Jin Hyok ta’ 36 sena, u jifformaw parti mir-Reconnaissance General Bureau (RGB) – aġenzija tas-servizzi siegrieti tal-Korea ta’ Fuq.

Share With: