“Tiqfux tilbsu l-maskra għax ħadtu t-tilqima”

Miktub minn Carmen Cachia

L-Istati Uniti u anke Iżrael ħabbru li rċevew rapporti ta’ persuni li ġew infettati bil-Coronavirus minkejja li dawn kienu ħadu t-tilqima ta’ kontra l-Covid-19. Il-każi ġodda seħħu kemm f’persuni li ħadu l-ewwel doża tat-tilqima kif ukoll oħrajn li ħadu t-tieni waħda. 

Il-pandemija tal-Covid-19, li faqqgħet is-sena l-oħra u oriġinat minn Wuhan, fiċ-Ċina, għamlet ħerba globali b’miljuni ta’ mwiet, infezzjonijiet, żbilanċi ekonomiċi u anke instabbbiltajiet soċjali. Sitwazzjoni bla preċedent li ħadd ma stenniha jew kien ippreparat għaliha. Ta’ kull 100 sena d-dinja tesperjenza pandemiji ta’ dawn it-tip u konsegwenza tagħhom il-popli madwar id-dinja jidħlu fi ġlieda kontra l-ħin biex jikkontrollawha u jwaqqfu l-imwiet u l-ħsara kkawżati minnhom.

Kienet proprju din l-“urġenza” li wasslet għal ferneżija fost ix-xjenzati u l-aqwa mħuħ fid-dinja mis-settur tal-mediċina, biex jiżviluppaw tilqima effettiva u sigura fi żmien rekord. F’dawn l-aħħar xhur għadd ta’ tilqim ġie awtorizzati għall-użu bl-ewwel waħda uffiċjali dik tal-Pfizer-BioNTech segwita minn dik ta’ Moderna. 

Il-gvernijiet ta’ madwar id-dinja bdew bil-programmi ta’ tilqim tagħhom fuq skala nazzjonali u dan bil-għan li l-ħajja tiġi lura għan-normal malajr kemm jista’ jkun. Sadanittant, riċerkaturi qegħdin jittestjaw 69 tilqima differenti fuq il-bniedem li 20 minnhom waslu fl-aħħar stadji ta’ ttestjar. Mill-inqas 89 tilqim ieħor jinsabu fil-fażi ta’ testjar fuq l-annimali.

Però, esperti mediċi qegħdin iwissu li min jieħu t-tilqima għandu bżonn ta’ perjodu biex l-immunità għall-virus tintlaħaq kompletament u issa aktar u aktar minħabba dawn ir-rapporti ta’ każijiet pożittivi tal-Covid-19 minkejja t-teħid ta’ tieni doża.

Il-każijiet pożittivi ta’ dan it-tip huma ftit, iżda ta’ min jikkonsidrahom. L-aktar li ġibdu attenzjoni kienu dawk ta’ tliet membri tal-Kungress Amerikan. In-New York Times ħabbret li l-membri tal-partit demokratiku – Bonnie Watson Coleman, Pramila Jayapal u Brad Schneider – irriżultaw pożittivi bil-Covid-19 wara li kienu diġà ħadu t-tilqima kontra l-virus. Iżda dawn il-każijiet ġew irrapportati wkoll minn persuni oħra inkluż Rick Pitino, kowċ tal-basketball tal-Hall of Fame, kif ukoll infermiera f’Kalifornja. 

L-Iżrael iħabbar imwiet…

Fl-Iżrael, min-naħa l-oħra, figuri maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa juru li kellhom 531 persuna minn total ta’ kważi 750,000 persuna li ngħataw iż-żewġ dożi tat-tilqima u għandhom aktar minn 60 sena, li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Dan il-perċentwal (0.07%), li tħabbar mill-BBC, huwa kkonsidrat minimu. F’dettalji oħra ntqal li minn dawk irrapportati pożittivi wara t-tilqima, 38 persuna kellhom bżonn ta’ kura fl-isptar b’sintomi moderati, gravi u anke kritiċi.

Ġie rrapportat ukoll li fil-perjodu fejn it-tilqima kienet għadha ma laħqitx il-livell ta’ protezzjoni massimu, kien hemm aktar minn 7,000 każijiet ta’ infezzjoni li minnhom – 700 persuna – kienu f’kundizzjoni ta’ saħħa moderata sa kritika. Minn dawn, irriżulta li mietu 307 pazjent. L-istess Ministeru qal li skont informazzjoni li għandhom bħalissa, jidher li l-każijiet ġodda u mard, naqsu b’mod konsistenti mill-14-il jum wara li ħadu l-ewwel doża tat-tilqima kontrra l-Covid-19.

Sadanittant, sar studju inizjali dwar l-effiċjenza tal-ewwel doża li fih ġew analizzati aktar minn nofs miljun persuna. Minnhom 350,000 kellhom viżta ta’ kontroll wara li ħadu t-tilqima tal-Pfizer BioNTech. Hawnhekk sar magħruf li r-rata ta’ infezzjonijiet tas-SARS-CoV2 kienet ta’ 0.57% fl-ewwel 12-il jum u 0.27% fil-ġranet ta’ bejn it-13 u l-24 jum. Fl-istudju, l-esperti waslu għall-konklużjoni li doża waħda tat-tilqima kienet effettiva 51% meta  jgħaddu bejn 13 u 24 ġurnata minn mindu tittieħed din it-tilqima.

Grupp ta’ riċerkaturi oħra mill-Università ta’ East Anglia, fir-Renju Unit, reġgħu analizzaw din l-informazzjoni u sostnew li l-effiċjenza kienet “prattikament żero fl-ewwel 14-il jum iżda mbagħad telgħet għal 90% fil-21 jum”. Dan it-tim qal li kien hemm żieda fir-riskju ta’ infezzjoni wara li tittieħed it-tilqima minħabba li jista’ jkun li n-nies kienu qegħdin joqogħdu inqas attenti milli jżommu mal-miżuri tas-saħħa wara li jieħdu din it-tilqima. 

Huma żiedu jgħidu li, skont l-analiżi tagħhom, doża waħda tat-tilqima tipproteġi sew mill-virus u dan minkejja li ddum sa 21 ġurnata biex tilħaq l-ogħla livell ta’ immunità. 

Share With: