“Theddida li b’xi mod trid titlaq inkella teqirdek”; Il-każijiet ta’ ħtif ta’ tfal mill-ġenitur l-ieħor

Minn Victor Vella

“Li tisma’ li tifel jew tifla jittieħdu llegalment barra mill-pajjiż mingħajr il-permess ta’ ġenitur hija xokkanti u aktar minn hekk, din hija trawma mimlija dieqa u inċertezzi għall-povra omm jew missier li ma jkunux jafu x’sar minnhom l-ulied. Aħbar bħal din toħloq biża’ u tensjoni kbira fost ġenituri li magħhom ikunu jgħixu uliedhom imma li jkun mhedda jew li jkunu qed jibżgħu li uliedhom jistgħu jinħatfulhom”.

Omm li tkellmet ma’ Inewsmalta esprimiet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna. Tisħaq li “l-ħtif illegali tat-tfal barra minn pajjiżna ilhom iseħħu u dan minkejja l-ħafna dikjarazzjonijiet li sitwazzjonijiet bħal dawn se jkunu indirizzati u mwaqqfa. Fl-2016 kien hemm 12-il każ u l-bambin jaf kemm kien hemm aktar fis-snin ta’ wara. Din it-tip ta’ informazzjoni qisha tinżamm mistura mill-awtoritajiet, però ħadd ma jista’ jaħbi din ir-realtà kerha u reali li għandna fil-pajjiż.”

Tenfassizza li “l-aħħar każ huwa ta’ tifla ta’ seba’ snin li wara erba’ xhur l-awtoritajiet irrikonoxxew li dan huwa każ ta’ ħtif illegali mill-omm naturali. Din ħarġet minn pajjiżna mill-ajruport bla problemi ta’ xejn.  Il-ġenituri b’qalbhom maqsuma u ddisprati rrikorru għall-għajnuna tal-awtoritajiet, tal-pulizija u anke fuq il-midja. Sal-ġurnata lum ħadd ma jaf x’sar minn din it-tifla.  L-aktar ħaġa inkwetanti huwa l-fatt li l-istess tifla kienet taħt Ordni ta’ Protezzjoni.”

Tgħidilna li “ġimgħa ilu fil-Qorti tagħna nstemgħet kawża oħra fejn omm xehdet li l-eks tagħha heddidha li joqtolha u li jeħodilha liż-żewġt ibniet tfal barra l-pajjiż u li qatt ma tkun tista’ tarahom iżjed. Dan it-tip ta’ theddid sar aktar komuni u minkejja li ġenituri mbeżża’ jgħidu li huma vittmi ta’ tali theddida, ħafna drabi ma jittieħdux bis-serjetà. 

Din is-sitwazzjoni għal dik l-omm jew missier, iridu jiffaċċja mhix ħajja. Trid tgħixha biex tkun taf xi tfisser. Il-biżgħa li tmur biex tiġbor lit-tifel/tifla tiegħek mill-iskola u jgħidulek li nġabru diġà mill-ġenitur l-ieħor hija taqtigħa kostanti. L-istress u l-ansjetà li tħoss f’sitwazzjonijiet bħal dawn huma indeskrivibbli. Tħares lejn ibnek u titlob lil ħanin Alla li ma tkunx l-aħħar darba li tarah. Tgħannqu miegħek u tgħidlu li tħobbu qisha se tkun l-aħħar darba għax m’għandekx garanzija li se jerġa’ jkollok din l-okkażjoni tant sabiħa u importanti għal ġenitur. Tistaqsi kif se ssolvi din il-problema meta ħadd ma jemmnek, ħadd ma jgħinek u ħadd ma jifhmek?”.

Tgħidilna li “meta tkun mhedda b’dan il-mod, il-ħajja tispiċċa. Issir skjava tal-biża’ bl-adrenalina l-ħin kollu għolja mmens biex ma taljenax rasek għax tkun f’dik is-sekonda ta’ nuqqas ta’ attenzjoni li jaħtfu u jitlaq bih. M’hemmx tama sakemm it-theddida ma tibqax hemm iżjed u kif din tmur ma tafx.  Jiddispjaċini ngħid li meta t-tfal jinħatfu, ikun tard wisq. Kif se ssibhom? Ikun vera miraklu minn Alla li terġa’ ssibhom. Fil-verità, ftit jista’ jsir biex dawn it-tfal jinstabu. Jitilqulek mill-pajjiż,  jivjaġġawlek fl-Ewropa  u finalment imorru f’xi kontinent ieħor jew post imwarrab ħafna li jew il-liġijiet huma differenti minn tagħna u għalhekk minkejja li ssibhom ma jkunx daqstant faċli li tirritornahom. U kemm smajna b’każi gravi fl-Ewropa. Mhux ‘il bogħod. Fl-Italja u fl-Ingilterra kien hemm sitwazzjonijiet fejn it-tfal maħtufa jew fdati fil-kura għal ftit sigħat minn ġenitur minnhom jispiċċaw vittmi maqtula minħabba l-inkwiet li jkun hemm bejn il-ġenituri. Il-pika u l-vendikazzjonijiet li jsiru huma wisq u t-tfal innoċenti jispiċċaw għodda biex iweġġgħu biha.”

L-omm tgħidilna li “l-ħajja ta’ dak il-ġenitur li jkun mifni bit-theddida li jinħataflu ibnu jew bintu hija infern irkah. Tqum u torqod, jew torqod inkwetat. Moħħok ma jieqafx iberren, ġismek il-ħin kollu jkun full alert tant li tispiċċa b’uġigħ kullimkien jekk ma tispiċċax b’xi kollass totali minħabba l-istress kontinwu.  Tgħaddi minn xokk, biżgħa, rabja, dipressjoni u inċertezzi tant li tibda tħoss paranojja. Tkun konxja tal-perikli u ma tistax tieqaf toqgħod attentat. Ma tistax toħroġ mat-tifel jew tifla u tieħu gost. Huma ma jafux għala ma jarawx lill-ommhom rilassata jew għala xi drabi qisha tħares ‘il bogħod fil-vojt mitlufa fil-ħsibijiet. Għala kull raġel jew mara li tersaq wisq viċin tissuspetta fih u taqbdilhom idejhom b’dik is-saħħa pjuttost xi ftit esaġerata għal dawk l-idejn iż-żgħar.”

Tisħaq  li “dik li meta għal xejn b’xejn tirrabja għax it-tifel/tifla jersaq xi ftit ‘il bogħod minnha biex iġġibilha fjura jew ta’ żgħir/a li huwa jillarga ftit biex jesplora. Kif dak il-ġenitur b’moħħu mifqugħ u qalbu tħabbat bil-mija fis-sekonda jista’ jidħak xorta, jilgħab u jġib ruħu li kollox huwa sewwa meta fil-verità tkun tixtieq li tieqaf teżisti jew imqar li tibda tbati bid-dimensja ħalli ma tħossx aktar uġigħ u ma tinkwetax iżjed? Każijiet bħal dawn ħafna drabi l-ġenitur mhedded jirrikorri l-Qorti, għand il-Pulizija u forsi jidħlu l-Appoġġ. Imma r-realtà li ġenitur irid jgħix b’theddida bħal din, però, hija ferm differenti. Irid jiġġieled kemm jiflaħ biex iżomm sigur lit-tifel/tifla, irid jiffaċċja mhux terremoti, tsunami u ostakli li ħafna drabi jħossu li se jaqta’ qalbu. Tibda titlef il-fidi f’Alla, fil-ġustizzja u fis-sistema. Tkun waħdek fi gwerra li ħadd ma jaf, jew irid ikun jaf, biha. Għalfejn l-affarijiet għandhom ikunu hekk? Għalxiex din it-theddida teżisti jew dak li jagħmilha ma jiġix imwarrab kompletament mill-ħajja ta’ dawk involuti? 

Għaliex l-awtoritajiet ma jieħdux bis-serjetà każijiet bħal dawn? U rigward it-tfal maħtufa u meħuda barra pajjiżna, x’sar? Fejn huma dawn it-tfal? Min huwa responsabbli?”, tistaqsi din l-omm.

L-istess omm tgħidilna li “nemmen li hemm bżonn li l-awtoritajiet jitkellmu aktar  dwar din il-problema bil-għan li jkun hemm aktar għarfien u aktar servizzi ta’ għajnuna għal dik l-omm li l-eks tagħha, biex jivvendika ruħu minnha, jheddida li jaqbad u jitlaq barra l-pajjiż b’uliedhom”.

Share With: