Theddida ġdida tal-lemin estrem… l-Oath Keepers

Minn Victor Vella

Fl-Istati Uniti hemm it-tħassib mhux biss marbut mal-pandemija imma anke ma’ theddida oħra li qed dejjem tikber.  L-awtoritajiet qed jiġu mwissijin  minn din it-theddida ġdida u din hi dik taż-żieda fl-estremiżmu tal-lemin estrem, liema theddida rajniha tilħaq il-quċċata tagħha bl-attakk fuq il-Capitol. 

F’pajjiż bħall-Istati Uniti  hemm mijiet ta’ dawk li jissejħu ‘milizzji tal-lemin estrem’.  Wieħed minn dawn il-gruppi li qed dejjem joħloq allarm hu msejjaħ ‘Oath Keepers’.

Dan hu grupp li twaqqaf fis-sena 2009 minn student tal-Yale Law School. Miegħu kien hemm ukoll il-veteran tal-gwerra Stewart Rhodes.  

Dan il-grupp hu wieħed mill-grupp radikali li jaħdem kontra l-gvern fl-Istati Uniti. Il-membri ta’ dan il-grupp li jammontaw għal madwar 30,000, huma membri li ħafna minnhom għandhom sfont militari jew fil-Pulizija. Dan il-fatt qed iħasseb lil ħafna minħabba dak li qed jissejjaħ li hemm ‘potenzjal għal gwerra ċivili”.

Jekk nieħdu x’qalu Souther Poverty Law Centre, dwar dan it-theddid u tħassib, dawn enfasizzaw li “din l-organizazzjoni tgħid li qed tiddefendi l-Kostituzzjoni.  L-organizazzjoni kollha hi bbażata fuq teoriji li l-gvern Amerikan qed jaħdem biex ikisser il-libertajiet taċ-ċittadini Amerikani”.

Jidher li dawn il-membri jieħdu ġuramen ta’ lealtà u ta’ difiża lejn il-Kostituzzjoni Amerikana kontra kull tip ta’ għedewwa kemm barranin u anke domestiċi. Dan anke jekk ikun ifisser li trid issir gwerra ċivili biex jitneħħa gvern partikolari. 

Wara dak li seħħ fil-Capitol, xi membri tal-Oath Keepers kienu akkużati b’dak li ġara fil-Capitol. Irid jingħad li membri ta’ din l-organizazzjoni fl-aħaħr snin kienu qed ikunu involuti f’għadd ta’ protesti li fihom rajna l-preżenza ta’ armi semi awtomatiċi u oħrajn armati b’armi oħra. 

L-Oath Keepers huma meqjusin bħala ‘grupp dixxiplinat’ u ‘organizzat’.  Peress li ħafna minnhom huma eks membri tal-militar jew pulizija, dawn għandhom il-privileġġ li jistgħu imorru u jixtru l-armi li huma użaw fis-servizz.

Kienu kapaċi jinfiltraw fil-midja soċjali

Imma waħda mill-aktar affarijiet li qed taħsseb hi t-tħeddida li Oath Keepers u gruppi simili oħra qed jagħmlu bil-mod kif irnexxielhom jinfiltraw fil-media soċjali. Filfatt huma użaw il-mdija soċjali b’mod influwenti ħafna u kien katalisti biex inkoraġixxew azzjoni fost nies oħra li ma kinux parti mill-grupp tagħhom.

Il-problema li qed jaraw ħafna hi dik li din it-tip ta’ influwenza tista’ taffettwa persuni oħra madwar id-dinja. Tista’ faċilment toħloq moviment u protesti f’pajjiżi oħra. 

Ovvjament,  il-mod kif qed jikbru u jinxterdu l-Oath Keepers hu parti minn moviment globali li fih qed naraw il-lemin estrem jinxtered bħan-neo nażiżmu fl-Ewropa.

Dawn it-tip ta’ gruppi jqisu lilhom infushom bħala ‘ġellieda Kristjani’. Jitkellmu u jargumentaw fuq dik li tissejjaħ il-‘great replacement theory’, teorija li tibbaża l-argument tagħha fuq twissija li l-barranin se jieħdu kontroll ta’ xi pajjiż ieħor. Din it-teorija insibuha f’għadd ta’ pajjiżi u titmexxa minn grupp estremi b’mod parttikolari dawk li huma abbinata ma’ dawk li huma ffissati fuq ir-razza bajda. Din it-teorija għandha l-għeruq  fl-attakk Norveġiż tas-sena 2011, u l-massakru fi Christchurch fi New Zealand. 

Gruppi li jikbru minħabba “biża’”, “nuqqas t’għarfien” u “injoranza”

Għaliex gruppi simili qed isibu art fejn jespandu. Ir-raġuni huma sempliċi ħafna. Dawn huma gruppi li żergħu l-biża. Issibhom jimirħu fost persuni b’nuqqas ta’ għarfien u fejn teżisti l-injoranza. Għal oħrajn hemm il-kburija li tħossok parti minn grupp li qed jiġġieled għar-razza bajda. Ovvjament il-biża’ u l-injoranza taħdem ħafna fost dawk li jibilgħu it-teorija li jinsabu mheddin minn xi grupp li ġej minn barra. Din hi xi ħaġa li taħdem ma’ gruppi li jkunu fin-naħa ta’ isfel tas-soċjetà.

U dan it-theddid ma jgħoddx biss għall-Istati Uniti

Ikun wieħed żbaljat jaħdem li t-theddid mill-Oath Keepers u Proud Boys jinsab konfinat fl-Istati Uniti. Qegħdin naraw kif l-estremiżmu qed jikber anke fl-Ewropa.  F’pajjiżna ukoll in-narrattiva li jmexxu dawn il-gruppi ġieli nisimgħuha ukoll.

Għax anki hawn għandna affarijiet simili. Anki hawn, għandna min qed ixerred l-istess biżgħat. Tixtrid li qed isir fuq il-midja soċjali. Tixwix għaddej b’mod sottili. Tixwiw kontra barranin. Kontra razez partikolari. Tixwix kontra reliġjonijiet oħra f’pajjiżna.  

F’pajjiżna sfortunatament ma rridux nitkellmu fuq it-theddida minn gruppi tal-lemin estrem.  Dan hu dak li jridu dawn il-gruppi. Li jibqgħu jaħdmu minn taħt. U sadanittant ir-razziżmu u t-theddid jibqa’ għaddej. 

Share With: