“Tgħaġġlux!”… L-espert Anthony Fauci jwissi dwar l-ilbies tal-maskra

Dr Anthony Fauci, wieħed mill-aqwa esperti fil-kontroll tat-tixrid ta’ mard infettiv, wassal aħbar mhux daqstant sabiħa għal dawk il-persuni kollha li qegħdin jittamaw li mhumiex se jdumu jilbsu l-maskra ladarba jieħdu t-tilqima ta’ kontra l-Covid-19. 

“Mhux għalissa”. Hekk iddikkjara Fauci, li huwa l-konsulent prinċipali tal-President Amerikan Joe Biden u d-Direttur tal-Istitut Nazzjonali u Mard Infettiv tal-Istati Uniti. F’intervista ma’ Fox News huwa qal li hemm bżonn li bejn 70% sa 85% tal-popolazzjoni adulta tieħu t-tilqima biex jintlaħaq il-herd immunity. B’dan il-mod ikun hemm biżżejjed protezzjoni fejn, “il-livell tal-virus ikun tant baxx li ma jibqax ta’ theddida u f’dan il-punt wieħed ikun jista’ jerġa’ jikkonsidra l-miżura ta’ l-użu ta’ maskri. Iżda aħna ċerti li, dan ma jistax iseħħ għalissa”.

Fauci qal li jekk kollox imur tajjeb u l-virus ikun ikkontrollat, huwa possibbli li l-gvernijiet jibdew inaqqsu mill-miżuri. Fl-opinjoni tiegħu, però, dan mhux se jkun vijabbli qabel il-ħarifa li ġejja u lanqas ta garanzija li anke f’dan l-istadju, se jkun possibbli li narmu l-maskri.

Huwa qal li, “għalissa komplu ilbsu l-maskri u ħudu l-miżuri ta’ prekawzjoni biex tipproteġu lilkom infuskom mill-virus”. Din it-twissija ħarġet issa li n-numru tal-każijiet tal-Covid-19 jidhru li qegħdin ibattu. Dan minħabba li l-esperti huma mħassba li jista’ jkun hemm aħbarijiet koroh aktar ‘il quddiem minħabba l-varjanti ġodda ta’ dan il-virus. 

L-Istati Uniti rrapportat każijiet tal-varjant il-ġdid mir-Renju Unit u Fauci qal li minn informazzjoni li għandhom, dan il-virus jinxtered aktar malajr minn persuna għall-oħra bil-konsegwenza li, “se jkollna nirduppjaw il-miżuri tas-saħħa pubblika”.

Sadanittant, dwar kummenti u każijiet relatati ma’ infezzjonijiet wara t-tilqim, l-Istati Uniti qalet li għad m’hemmx biżżejjed informazzjoni. Għal dawk li ħadu ż-żewġ dożi tat-tilqima u għadda biżżejjed żmien biex tilħaq l-effiċjenza tagħha, l-ispeċjalist Eric Robinette f’Ohio, jemmen li r-riskju personali ta’ mard serju mill-Covid-19 jonqos drastikament.

Imma, “jonqos drastikament” ma jfissirx li huwa ineżiżtenti. Jingħad li t-tilqim huwa effettiv ħafna biex jipproteġi lin-nies mill-Covid-19, imma huwa possibbli li persuna li tlaqqmet biż-żewġ dożi, terġa’ tkun infettata bil-virus. 

Għalhekk wieħed m’għandux jażżarda, almenu għalissa, li jwaqqaf l-użu tal-maskra jew li jagħmilha fatta li kollox għadda u li m’hemmx aktar periklu minn infezzjoni tal-Covid-19. L-esperti mediċi u l-fatti huma ċari, tgħaġġlux u xorta oqogħdu attenti.

Share With: