Terroriżmu kontra t-terroristi

Id-Dark Web mira tal-hackers… Siti ta’ pornografija tat-tfal fost l-aktar li jitneħħew minn “eroj” fantażmi

Minn Carmen Cachia

Id-Dark Market, l-akbar sit ta’ bejgħ illegali fuq id-Dark Web, tneħħa f’operazzjoni internazzjonali li kienet tinvolvi l-Ġermanja, l-Awstralja, id-Danimarka, il-Moldova, l-Ukrajna, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Il-Europol għenet bi strateġiji, analiżi u kordinament bejn il-pajjiżi biex jilħqu l-għan tagħhom b’suċċess. Din mhix l-ewwel darba li l-attivitajiet illegali u perikolużi li hemm fid-Dark Web ikunu mira u jitniżżlu jew jitneħħew kompletament. Dan b’mod speċjali fil-każijiet ta’ siti pornografiċi li jinkludu tfal u minuri. Fil-fatt f’dawn l-aħħar snin għadd ta’ hackers, inkluż il-grupp “Anonymous” għamlu attakki biex ixejnu dawn l-abbużi virtwali fuq minuri.

Issa li ninsabu fil-pandemija, il-membri u t-traffiku fid-Dark Web żdiedu konsiderevolment, ammont li huwa rrapportat li laħħaq 44% aktar fl-ewwel lockdown tal-Covid-19. Din iż-żieda hija kkondisrata bħala problema serja minħabba li aktar ma jiżdied it-traffiku fuq id-Dark Web, aktar isiru attivitajiet u bejgħ illegali. 

Il-kumpanija ċibernetiika “Sixgill” għamlet riċerka fejn sabet li l-aktar attivitajiet illegali li saru tul il-lockdowns fi żmien din il-pandemija globali, kienu ħasil ta’ flus u bejgħ ta’ drogi. 

Ħsieb tajjeb li ddawwar f’għodda perikoluża…

Id-Dark Web hija magħmula minn għadd ta’ siti li ma jidhrux fuq search engines normali, bħal Google jew Bing u m’hiex aċċessibbli minn browsers normali (bħal Google Chrome) minħabba li l-post u l-identità jinżammu mistura. Oriġinarjament id-Dark Web kellha tkun post leġittimu fejn fost l-oħrajn, il-persuni li jgħixu f’reġim, setgħu jkollhom aċċess għall-Internet u l-ġurnalisti setgħu, b’mod anonimu, jippubblikaw stejjer importanti lill-bqija tad-dinja. 

Però, dan l-għan ma damx biex iddawwar f’għodda ta’ negozju minn organizzazzjonijiet kriminali fejn l-attivitajiet illegali jvarjaw minn bejgħ ta’ drogi u armi, traffikar uman, pornografija tat-tfal, qtil u ħasil ta’ flus. Meta tidħol f’din l-“għanqbuta”, qisek tkun dħalt f’post malinn u perikoluż. Id-DarkWeb saret popolari sew mal-pedofeli u mal-predaturi sesswali tant li fiha inħolqu għadd ta’ siti llegali b’ritratti u vidjows ta’ abbuż fuq minuri. Dan kollu, għall-finijiet finanzjarji ta’ xi wħud li jgawdu mill-perversità tal-klijenti li jidħlu fis-siti tagħhom.

Tul is-snin, iżda dawn is-siti mimlija pornografija tat-tfal, kienu mira ta’ hackers li jattakkawhom u jneħħu l-aċċess għalihom. L-awtoritajiet u l-pulizija ta’ pajjiżi differenti jinsabu fi ġlieda kontinwa kontra l-attivitajiet illegali li jsiru fuq id-Dark Web u għadd ta’ operazzjonijiet kienu ta’ suċċess, inkluża dik riċenti  tad-DarkMarket. Iżda, hemm barra n-nies japplawdixxu u qishom japprezzaw aktar meta jsir att erojku li jsalva tfal u vulnerabbli. Dan il-ġest mill-hackers huwa kkonsidrat bħala att terroristiku fuq it-terroristi tad-Dark Web minħabba li b’att “illegali”, ibatu l-kriminali stess u għalhekk tagħhom f’tagħhom.

Fil-fatt, dan huwa l-każ rigward il-hackers u l-organizzazzjoni “Anonymous” li, minn żmien għal żmien,  għamlu attakki li fihom niżżlu għadd ta’ siti oxxeni, xi drabi b’eluf kull darba, ta’ pornografija tat-tfal.

Mikxufa l-identità ta’ xi persuni li jidħlu f’siti pornografiċi tat-tfal

Lura fl-2011 l-attivisti tal-grupp magħruf “Anonymous” irnexxielhom għal ftit ħin ineħħu madwar 40 siti li jbigħu ritratti pornografiċi tat-tfal. Bħala parti mill-azzjoni “erojika” tagħhom, “Anonymous” kienu anke waslu biex ippubblikaw l-ismijiet ta’ 1,500 persuna li wżaw sit magħruf bħala “Lolita City”. 

L-attakki fuq id-Dark Web saru bħala parti mill-“Operation Darknet” li kellha fil-mira tagħha gruppi li kienu jaqsmu bejniethom dawn it-tip ta’ ritratti llegali fuq in-network “Tor”.

Fl-2017 seħħ attakk ieħor li ġibed l-attenzjoni tal-midja fejn hacker anonimu rnexxielu jneħħi 20% tal-pornografija tat-tfal fuq id-Dark Web. Aktar minn 10,000 sit marru offline wara li dan il-hacker, li assoċja lilu nnifsu ma’ “Anonymous” fil-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal online, irnexxielu jsib mezz biex iwaqqafhom.

Il-persuni li kienu fuq websites tal-“Freedom Hosting II” raw messaġġ li fih il-hacker spjegalhom x’inhuwa jagħmel u għala. F’intervista ma’ ġurnal barrani “Newsweek” dan il-hacker anonimu qal li, “sibt quddiem wiċċi għadd ta’ siti pornografiċi tat-tfal fuq is-server tal-Feedom Hosting II. Kien għalhekk li ħadt azzjoni u ħħekjajthom. Ma kontx ippjanajt dan l-attakk. Kienet biss idea u ħadt l-opportunità wara li sirt naf x’inhuma jagħmlu”.

Huwa qal li fuq id-DarkNet hemm xi komunitajiet pjuttost kbar li jsegwu u jmexxu l-pornografija tat-tfal u li wisq probabbli dawn huma siti li jżidu t-traffiku ta’ nies fuq dan is-server. Jingħad però, il-persentaġġ ta’ siti ta’ pornografija tat-tfal huwa pjuttost baxx ikkomparat mall-bqija ta’ siti llegali oħra u dan minħabba li ħafna provdituri jevitawhom.

Dan il-hacker qal li din kienet l-ewwel darba li qatt daħal illegalment online u waqqa’ siti, iżda lest li jerġa’ jagħmilha jekk ikollu l-opportunità li jxejjen attivitajiet illegali ta’ dan it-tip. Messaġġi li dehru fuq is-sit tiegħu sostnew li fl-attakk dan il-hacker irnexxielu jneħħi 10,613-il siti (50% mit-total) ta’ pornografija tat-tfal, kif ukoll siti oħra ta’ scams.

Id-Dark Web ma fihiex siti illegali biss…

Attakk ieħor aktar riċenti fuq id-Dark Web minn hackers sar f’Marzu tas-sena l-oħra. F’din l-azzjoni tħassru mill-inqas 7,595 siti. Din id-darba, però, is-siti li tneħħew ma kienux relatati ma’ attivitajiet illegali. L-attakk sar fuq l-akbar provditur ta’ siti bla ħlas ta’ Daniel Hosting. 

Dan tal-aħħar kien ikkonferma l-attakk fl-10 ta’ Marzu u li l-informazzjoni kollha li kien hemm, tħassret mill-hackers. Wara dan l-attakk, dawk kollha li kienu qegħdin jużaw is-siti in kwistjoni ġew avżati li għandhom iżommu f’moħħhom li hemm il-possibbiltà li l-informazzjoni tagħhom saret magħrufa. Il-klijenti kollha, għalhekk, intalbu biex jibdlu l-passwords.

Attakki minn hackers fuq id-Dark Web, filwaqt li meta jimmiraw attivitajiet kriminali huma kkonsidrati bħala atti erojiċi u pożittivi, hemm oħrajn li ma jagħmlux ġid lill-komunità. Wieħed għandu jiftakar li permezz tad-DarkWeb hemm possibbiltà ta’ għajnuna għal persuni li jixtiequ jgħaddu informazzjoni importanti b’mod anonimu bħalma huma l-whistleblowers, attivisti politiċi u ġurnalisti. 

Għalhekk, huwa tajjeb li “attakki” fuq siti fid-Dark Web jitħallew f’idejn l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti. Dawn, permezz ta’ ħidma konġunta, investigazzjonijiet serji u konfermi internazzjonali, l-azzjonijiet tagħhom ikunu kkalkolati u ċerti li ma jniżżlux siti leġittimi bil-konsegwenza li jipperikolaw persuni innoċenti.

Share With: