Tal-Monti suġġetti għal verifika minkejja li “ż-żmien mhux adattat”

Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo staqsa jekk hux minnu li qed issir verifika fuq bejjiegħa tal-monti. Hu rrimarka li dan mhux iż-żmien addattat.

Il-Ministru Silvio Schembri wieġeb li “attwalment qiegħda tinġabar informazzjoni dwar l-operat mis-swieq fil-beraħ eżistenti, bl-iskop li jiġu identifikati ħtiġijiet u nuqqasijiet sabiex dawn jiġu ndirizzati f’regolamenti li eventwalment jinħarġu taħt l-Att Prinċipali, wara li ssir konsultazzjoni mal-partijiet ineteressati.”

Tenna li ‘l-informazzjoni li qiegħda tinġabar mill-bejjiegħa tinkludi dettalji dwar kaxxi allokati lilhom, id-dimensjoni tal-istess kaxxi, permess maħruġ mill-Kunsill Lokali u liċenzja maħruġa mis-Sezzjoni tal-Liċenzji Kummerċjali u kif ukoll qed jiġi oservat jekk l-istess bejjiegħa humiex konformi mal-liġi fost l-oħrajn f’aspetti bħal kobor tat-tilari u ħinijiet tal-operat.

Fejn qiegħed jirrizulta li hemm bejjiegħa li mhux joperaw bil-permess tal-Kunsill u l-liċenzja tal-Kummerċ, dawn qed ikunu mħeġġa jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Inkwantu għal bejjiegħa tal-monti li huma vulnerabbli,  ngħarraf li dawn il-persuni jistgħu dejjem jibgħatu sostitut kif tipprovdi l-liġi. 

Tajjeb li nenfasizza li dan huwa ezerċizju ta’ ġbir ta’ informazzjoni inġenerali bil-għan li nkomplu ntejbu s-settur”.

Share With: