Taħriġ lill-persuni b’diżabbiltà dwar l-użu sigur tal-internet

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u Aġenzija Żgħażagħ, grupp ta’ sitt żgħażagħ b’diżabbiltà se jkunu qed jibbenefikaw mill-proġett SAFER, li jinkludi numru ta’ sessjonijiet dwar l-użu sigur tal-internet. Dawn il-persuni b’diżabbiltà ġejjin miċ-ċentri ta’ matul il-jum ta’ Aġenzija Sapport f’Tas-Sliema u l-Imtarfa. Dawn is-sessjonijiet se jkunu faċilitati minn youth workers ġejjin minn Aġenzija Żgħażagħ u se jiffukaw fuq kif wieħed għandu jġib ruħu online waqt li jara li hu protett, permezz ta’ diskussjonijet dwar privatezza, etikett, regoli tal-midja soċjali, u kif tagħraf profili foloz, fost oħrajn. Din l-informazzjoni se tkun qed titwassal permezz ta’ diskussjonijiet interattivi, użu ta’ videos informattivi u kwiżżijiet.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli semmiet kif sessjonijiet bħal dawn huma ta’ benefiċċju mhux biss għall-persuni b’diżabbiltà nfushom imma wkoll għall-qraba tagħhom, għaliex żgur li jgħinuhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Spjegat kif illum il-ġurnata, daqs kemm hu importanti l-użu tal-internet, tajjeb li wieħed ikun konxju wkoll ta’ dak li jista’ jiltaqa’ miegħu u li jipprova jkun ta’ xkiel. “Korsijiet ta’ dan it-tip lill-persuni b’diżabbiltà mhux biss jwassluhom biex iħossuhom iżjed inklużi fis-soċjetà, imma wkoll ladarba l-internet jiġi użat b’mod sew kapaċi jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, filwaqt li faħħar il-ħidma konġunta bejn Aġenzija Sapport u Aġenzija Żgħażagħ, saħaq li permezz tal-ħidma ta’ youth workers mill-Aġenzija Żgħażagħ se jkun qed jiġi assigurat li jkollok numru ta’ sessjonijiet li jgħinu liż-żgħażagħ sabiex ikunu kapaċi jużaw l-internet b’mod sigur u jkollhom għarfien dwar l-għodod li jistgħu jintużaw online.

Waqt żjara fiċ-Ċentru Skills Space f’Tas-Sliema, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras irringrazzjat lil Aġenzija Żgħażagħ tal-kollaborazzjoni sabiex din l-inizjattiva setgħet isseħħ. Is-Sinjura Sciberras spjegat li dawn is-sessjonijiet huma biss il-bidu ta’ din il-kollaborazzjoni, għax il-pjan hu li jkomplu jibbenefikaw aktar persuni b’diżabbiltà minn dawn is-sessjonijiet. Is-Sinjura Sciberras kompliet li d-dinja diġitali llum hi realtà u ladarba l-istess żgħażagħ qed jiġu mħeġġa biex ikabbru ċ-ċirku soċjali tagħhom, l-Aġenzija rat li hu opportun li tipprovdihom ukoll b’dawn is-sessjonijiet informattivi sabiex tattrezzahom kemm jista’ jkun għad-dinja virtwali u użu sigur tal-internet.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma spjegat kif il-proġett SAFER hu wieħed mill-proġetti li Aġenzija Żgħażagħ qed taħdem b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Sapport, għax temmen li meta  żewġ entitajiet jinsġu l-ħiliet tagħhom flimkien, kemm il-professjonisti kif ukoll iż-żgħażagħ jiggwadanjaw ferm aktar u s-servizz li jirċievu ż-żgħażagħ ikun aktar profond, utli u rikk.

Dawn is-sessjonijiet se jitwasslu b’mod diġitali. Dan sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jagħmlu użu minn apparat teknoloġiku li l-istess persuni tgħallmu jużaw waqt sessjonijiet edukattivi fuq l-użu tat-teknoloġija.

Għal aktar informazzjoni dwar Aġenzija Sapport u s-servizzi li toffri, wieħed jista’ jżur is-sit www.sapport.gov.mt jew isegwi l-midja soċjali tal-Aġenzija.

Share With: