Studju fuq 1.2m persuna turi li l-vaċċin ta’ Pfizer għandu rata ta’ effettività ta’ 94%

L-ewwel studju dinji fuq skala kbira dwar il-vaċċin ta’ Pfizer/BioNTech juri li dan għandu rata għolja ta’ effettività fil-prevenzjoni tal-Covid-19.

S’issa l-biċċa l-kbira mill-informazzjoni xjentifika dwar il-vaċċin kienet riżultat ta’ testijiet kliniċi, b’dawn iħallu element ta’ inċertezza dwar kemm il-vaċċin se jkun effettiv realment.

Madankollu ir-riċerka li saret f’Iżrael – xahrejn wara li beda l-programm tal-vaċċinazzjoni – juri li żewġ dożi tal-vaċċin Pfizer naqqas b’94% il-każi sintomatiċi fil-gruppi kollha tal-età. L-istess rata ta’ effettività kienet reġistrata f’dawk il-każi ta’ mard sever ikkaġunat mill-Covid-19.

L-istudju, li jinkludi tagħrif mediku minn madwar 1.2 miljun persuna, juri wkoll li doża waħda tal-vaċċin għandha rata ta’ effettività ta’ 57% kontra infezzjonijiet sintomatiċi wara ġimagħtejn.

L-istudju jissuġġerixxi wkoll li l-vaċċin żviluppat minn Pfizer huwa effettiv kontra l-varjant tal-virus li kien identifikat għall-ewwel darba fir-Renju Unit.

Ir-riċerkaturi qalu li ma setgħux jipprovdu livell speċifiku ta’ effettività, madankollu l-varjant mir-Renju Unit kien il-verżjoni predominanti f’Iżrael tul il-perjodu li matulu żvolġa l-istudju.

Ir-riċerka madankollu ma tagħtix indikazzjoni dwar kemm il-vaċċin ta’ Pfizer se jkun effettiv kontra varjanti oħrajn tal-virus, fosthom dak li huwa dominanti fl-Afrika t’Isfel li wera li jnaqqas l-effettività ta’ vaċċini oħrajn kontra l-Covid-19.

Share With: