Stħarriġ jindika li l-maġġoranza trid tixtri proprjetà minkejja r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk il-persuni li ħadu sehem fi stħarriġ qalu li qed ifittxu u qed jippjanaw biex jixtru proprjetà minkejja l-isfidi ekonomiċi kkaġunati mill-pandemija tal-Covid-19.

Filwaqt li 58% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu li qed ifittxu biex jixtru proprjetà, min-naħa l-oħra 16% wrew l-intenzjoni tagħhom biex jikru. Dan filwaqt li 26% qalu li għalissa m’għandhom l-ebda ħsieb biex jixtru jew jikru proprjetà.

L-istħarriġ minn PricewaterhouseCoopers Malta, twettaq f’Diċembru tas-sena li għaddiet u kien jinkludi 450 persuna li għandhom 18-il sena jew aktar.

Disgħa u ħamsin fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ huma Maltin, b’27% huma barranin li joqogħdu Malta, u 17% li huma residenti f’Għawdex.

Il-biċċa l-kbira minnhom – 29% – kienu jaqgħu bejn il-25 u l-35 sena, filwaqt li 23% kellhom bejn il-35 u l-44 sena.

Intant l-istħarriġ jindika li 80% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ kienu qed ifittxju proprjetajiet li l-valur tagħhom huwa ta’ €300,000 jew inqas.

Ħdax fil-mija biss qalu li kienu interessati fi proprjetà li l-valur tagħha huwa aktar minn €300,000.

Share With: