“Sptar tal-annimali b’xejn hi ħolma għal min iħobb l-annimali”

Filwaqt li esprimiet ix-xewqa li din il-ħolma sseħħ, il-Kummissarju tal-Annimali saħqet li l-poplu jrid jifhem li l-annimali mhumiex xi komodità

Minn Maria Azzopardi

Il-Kummissarju għall-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-annimali Alison Bezzina tinsab favur li jsir sptar tal-annimali b’xejn jew sussidjat sewwa. Filwaqt li sostniet li din hija ħolma għal kull min iħobb l-annimali, ma’ Inewsmalta żiedet tgħid li minn qalbha tixtieq li din il-ħolma sseħħ minħabba li jkun hemm xi annimali li jispiċċaw isofru jew li jkollhom jitraqqdu għax xi sidien ma jkunux jistgħu jlaħħqu biex iħallsu l-kontijiet tal-veterinarju u qalet li din hija xi ħaġa veru diffiċli.

Madanakollu, Bezzina qalet li l-poplu jrid jifhem ukoll illi l-annimali mhumiex xi komodità. Qalet: “Għalija, l-annimali għandhom ikunu kkunsidrati bħala xi ħaġa prezzjuża ħafna (luxury), u ġeneralment, xi ħaga prezzjuża trid tara li tkun tista’ ssostniha u żżommha, mhux biss għal dak il-mument iżda għal tul ta’ żmien. Madwar id-dinja kollha, il-veterinarji jaħdmu u joperaw f’suq miftuħ u l-prezzijiet huma li huma.”

F’dan ir-rigward, hija qalet li għalhekk qabel persuna tiddeċiedi li ġġib annimal domestiku (pet), il-persuna għandha tikkunsidra kollox, inkluż il-possibilità li jista’ jkun hemm problemi relatati ma’ saħħa kif ukoll xi emerġenza li tista’ tinqala’, u wkoll il-bżonn ta’ xiri ta’ mediċini għall-annimal. 

Bezzina qalet li jeżistu numru ta’ veterinarji li f\ċertu każijiet jagħmlu xogħol mingħajr interessi jew inkella l-prezz ikun imnaqqas. Żiedet tgħid li l-Gvern diġà jħallas mijiet ta’ eluf ta’ Ewro kull sena biex jgħin lil dawk l-annimali abbandunati u t-talba għal dan is-servizz dejjem tiżdied, u qalet li din iż-żieda fl-ispejjeż mill-Istat hija biex ikunu salvati aktar annimali abbandunati kull sena. 

Hija temmet tgħid: “Filwaqt li l-annimali abbandunati m’għandhomx sid, u biex jgħixu b’saħħithom jiddependu kompletament fuq l-Istat, fl-aħħar mill-aħħar, ir-responsabbiltà għal dawk l-annimali privati hija kompletament tas-sidien. Għalhekk, filwaqt li nittama li xi darba nkunu nistgħu ngawdu minn sptar tal-annimali b’xejn jew issussidjat, sadanittant, in-nies għandhom ir-responsabbiltà illi jevalwaw kull ċirkostanza qabel iġibu annimal domestiku, kif ukoll jaħsbu x’jistgħu jagħmlu jekk jinqala’ xi ħaġa u s-sitwazzjoni tinbidel.”

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-kandidat għall-Partit Laburista fuq it-3 distrett elettorali Ray Abela ppropona li jsir sptar b’xejn għall-annimal.  

Ma’ dan is-sit, huwa spjega li l-ħsieb wara din il-proposta huwa fl-isfond tal-ispejjeż esaġerati u bla kontroll tal-veterinarji li ovjament ħafna min-nies bi dħul baxx u medju litteralment lanqas ilaħħqu magħhom. 

Abela qal li l-annimali għandhom id-dinjità wkoll u nies li jixtiequ jaddottaw pet u m’għandhomx riżorsi finanzjari għandhom jingħataw is-sapport li hemm bżonn. Wara din il-proposta, bosta kienu dawk is-sidien tal-annimali li esprimew ix-xewqa biex din il-proposta sseħħ tassew.

Share With: