“Soċjetà progressiva qatt ma telimina l-ħajja” – L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi insista li soċjetà progressiva ma tasal qatt tiskarta jew telimina l-ħajja.

Huwa iddikjara dan waqt l-omelija fil-quddiesa li saret fil-Konkattidral ta’ San Ġwann biex tfakkar Jum il-Ħajja li għaliha kien preżenti, fost oħrajn, il-President tar-Repubblika George Vella.

Monsinjur Galea-Curmi saħaq li tkun soċjetà rigressiva li tiskarta jew telimina l-ħajja waqt li sostna li s-saħħa ta’ soċjetà tingħaraf mill-progress tal-iktar dgħajjfa.

Huwa qal li anke jekk hawn min jippretendi li fil-bidu tat-tqala l-ħajja għad mhijiex hemm fil-verità din hemm tkun u dan tgħidu x-xjenza mhux il-fidi.

L-Isqof Ażiljarju irrefera għall-pandemija u irrimarka kif matulha rajna tispikka l-valur tal-ħajja u l-protezzjoni ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

“Il-pandemija wrietna li għandna nkunu konsistenti favur il-ħajja. Għalhekk hu important li l-ħarsa tkun imħarsa mill-ewwel mument sat-tmiem naturali tagħha”.

L-Isqof Awżiljarju saħaq ukoll li min hu favur il-ħajja għandu juri dan b’għemilu fil-ħajja ta’ kuljum.

Fost l-eżempji li semma f’dan ir-rigward kien hemm l-għoti tad-demm, l-attenzjoni lill-ambjent, ir-rispett fis-sewqan, l-aġir responsabbli waqt il-bini, għajnuna lill-immigranti u anke dik lil vittmi ta’ vjolenza domestika.

Share With: