Shahbaz Bhatti: L-uniku Ministru Nisrani fil-Pakistan… fl-10 anniversarju mill-assassinju tiegħu

Minn Robert Aloisio

Lejn l-aħħar ta’ ħajtu kien irċieva ħafna theddid ta’ mewt. U fl-għodwa tat-2 ta’ Marzu 2011 fil-kapitali Pakistana, Islamabad, l-uniku Ministru Kattoliku tal-Gvern, ġie assassinat fl-età ta’ 42 sena. Dakinhar, il-Ministru Shahbaz Bhatti ħareġ mingħajr skorta minn daru biex imur l-uffiċċju tiegħu, meta l-karozza tiegħu twaqqfet minn grupp ta’ irġiel armati, b’wiċċhom mgħotti, li kienu f’karozza oħra.  Lill-Ministru Bhatti ġibduh mill-karozza tiegħu u bdew jisparaw fuqu bħal imġienen għal madwar żewġ minuti, u mmassakrawh bi tletin tir.

Fuq il-post fejn qatluh, instabu diversi flyers ffirmati minn moviment estemista marbut mat-Talibani fl-Afganistan. Bhatti spiċċa fil-mira ta’ dawn il-fundamentalisti għax fost l-oħrajn ftit xhur qabel kien beda jiddefendi lil Asia Bibi, il-mara u omm Nisranija li ġiet ikkundannata għall-mewt għax akkużawha inġustament li offendiet bi kliemha lill-profeta Muħammed.

Ir-“Raħal tal-Hena”

Shahbaz Bhatti twieled f’Lahore fil-provinċja ta’ Punjab fil-Pakistan, fl-1968 f’familja Nisranija li kienet ġejja minn Kuxpur, “ir-raħal tal-hena” li kien f’idejn il-Knisja Kattolika. Il-missjunarji Kapuċċini kienu waslu hemm mill-Belġju fil-bidu tas-seklu għoxrin biex iwaqqfu komunità ta’ bdiewa. Minn art kbira kollha siġra huma biddluha f’raħal ta’ veru. Imbagħad, fl-1949, kienu waslu wkoll mill-Belġju, is-sorijiet Dumnikani li fetħu skejjel u spiżerija, u bdew lezzjonijiet tal-ħjata għan-nisa.

Don Piero Gheddo, tal-Istitut Missjunarju Pontifiċju, żar ir-raħal Kattoliku ta’ Kuxpur fl-1982. “Id-differenza bejn Kuxpur u rħula oħra fil-qrib kienet tal-għaġeb: l-indafa fit-toroq u fid-djar, il-libertà tan-nisa li jitbissmu, jieqfu jitkellmu u jħalluk saħansitra toħdilhom ritratt – ħaġa meqjusa bħala att kriminali f’postijiet oħra, subien u bniet jilagħbu flimkien, u l-għaqda fil-familji. Twaqqfu koperattivi sabiex jitħaffru bjar u jsiru kanali għall-ilma, jinxtara makkinarju għar-raba’ u nħoloq kummerċ ta’ prodotti tar-raba’. U fuq kollox twaqqfu l-iskejjel, anke sekondarji.”

Il-kappillan ta’ Kuxpur, Don Ruffin jgħid li “l-fama li jgawdu l-Insara tagħna mill-Musulmani hi li tista’ tafdahom għax huma nies onesti. Hawn irnexxielna noħolqu livell tajjeb ta’ għixien imma fi rħula oħra hemm ħafna faqar, ġlied, firdiet, mibegħda u vendetti.”

Ġeneruż sa minn ċkunitu

Omm Shahbaz, Marta, kienet mara tad-dar, u missieru Jacob wara li ħadem bosta snin fl-armata, iddedika ħajtu għat-tagħlim u kien President tal-Kunsill tal-Knejjes ta’ Kuxpur. Jacob u Marta kellhom sitt ulied, fosthom lil Shahbaz. Billi kien abbati, kien idur l-irħula tal-qrib mal-kappillan “u dan tani ukoll opportunità biex insir naf bil-problemi tal-Knisja tal-Pakistan.”

Il-karozza ta’ Bhatti mimlija tiri

Ħuh Paul Jacob jgħid li meta kienu għadhom żgħar kienu jfaddlu l-flus li jagħtuhom il-ġenituri u z-zijiet. “Meta Shahbaz kellu 12-il sena dak kollu li kellu mfaddal tah lil wieħed xiħ mir-raħal li uliedu telquh u spiċċa jittallab il-karità. Dak, miblugħ bil-ġenerożità ta’ ħija, ġie d-dar b’dawk il-flus biex jagħtihomlna lura, għax ħaseb li Shahbaz kien seraqhom lill-familja.”

Jaqbeż għall-batut u l-iddiskriminat

Il-faqar u l-qagħda tal-Insara fil-Pakistan kienet tnikktu ħafna. Flimkien ma’ xi ħbieb, Shahbaz waqqaf il-grupp taż-żgħażagħ fil-parroċċa: fost l-attività, minbarra l-qari tal-Bibbja, kienu jieħdu ħsieb l-istudenti foqra, li bis-saħħa tal-grupp setgħu jkomplu jistudjaw.

Darba żagħżugħ Nisrani ssawwat minn xi Musulmani. Shahbaz qabeż għalih u bagħat għall-pulizija, imma meta wasal il-pulizija, Bhatti tħawwad meta rah jaqbel mal-Musulmani u jinsisti li n-Nisrani jitlob skuża. “Kien dakinhar li fhimt kemm kien jeħtieġ li xi ħadd jintefa’ b’ruħu u ġismu biex jaqbeż għall-Insara u minoranzi oħra għax lanqas bil-ġustizzja ma stajna nserrħu rasna”.

Leader biex jaqdi lill-oħrajn

Kif spiċċa s-sekondarja, Shahbaz daħal l-Università jistudja l-liġi. Lanqas hemm ma kienet faċli l-ħajja tal-Insara li kienu jiġu msawta u ddiskriminati. Meta ġie biex iwaqqaf għaqda ta’ studenti Insara, sawtuh u hedduh li joqtluh. Iżda hu waħħal avviż fuq in-noticeboard tal-istudenti: “Lest li mmut għal Ġesù imma m’iniex lest li nieqaf milli nlaqqa’ lil ħuti l-Insara, l-aktar lill-istudenti”.

Kien att kuraġġuż ħafna li wassal biex bosta studenti Nsara, li minħabba l-biża’ kienu baqgħu ’l bogħod mill-għaqda ta’ Bhatti, issa saru membri tal-għaqda ġdida li twaqqfet. Bdew jagħtu lezzjonijiet b’xejn lil studenti fqar, jagħtuhom kotba b’xejn u jgħinuhom fl-istudji tagħhom.

Meta fil-Punjab kien hemm ħafna għargħar, Shahbaz u sħabu l-Insara għenu kemm felħu lill-vittmi, bla ma ħarsu lejn uċuħ. Ġabru flus mill-ibliet biex jgħinu lill-irħula milquta. F’raħal minnhom, l-ilma kien kaxkar kollox għajr dar waħda li fiha kien għad hemm familja maqbuda. Kulħadd kien qata’ qalbu minħabba l-qilla tal-ilmijiet. “Ħadt l-erba’ ħbieb tiegħi,” jgħid Bhatti, “u mexxejthom fl-ilma… li laħħaq sa griżmejna. Sħabi bdew jirtogħdu bil-ħsieb li jistgħu jmutu. Tlabt lil Alla biex jgħinna naslu sa dik id-dar. Wasalna u sibna omm u missier u żewġ ulied żgħar”. Bhatti u sħabu rnexxielhom isalvawhom kollha “bil-qawwa tal-ispirtu” li rebaħ fuq il-biża’.

L-Assassinju ta’ Benazir Bhutto

Wara l-istudji tiegħu, Bhatti daħal mal-Pakistan People’s Party. Il-ħiliet tiegħu mill-ewwel ġibdu l-attenzjoni ta’ min kien imexxi l-partit, speċjalment ta’ Benazir Bhutto. Infatti Bhatti kien mal-ex Prim Ministru Bhutto meta din inqatlet fl-2007 flimkien ma’ mart il-President Zardari, li kienet għadha kemm ġiet lura mill-eżilju volontarju tagħha xahrejn qabel.

Kien assassinju li ħasad lill-Pakistan moderat kif ukoll lil Bhatti. “Għall-Milied, li kien jumejn qabel ma ġiet maqtula,” jistqarr Bhatti, “Benazir Bhutto bagħtitli kartolina u kitbitli: Nirrispetta lill-Insara u jekk nilħaq president inneħħi l-liġijiet kollha li jagħmlu diskriminazzjoni.”

Ministru għall-Minoranzi

Ftit ġimgħat wara, f’art li kienet għadha mkexkxa bl-assassinju ta’ Bhutto, l-elezzjoni ntrebħet minn koalizzjoni li fiha kien hemm il-partit immexxi mill-armel ta’ Bhutto. F’Marzu 2008, Bhatti nħatar Ministru għall-Minoranzi u aċċetta dan l-inkarigu biex ikun jista’ jgħin lill-batut u biex jagħti messaġġ ta’ tama lil min kien se jaqa’ fid-disperazzjoni. “Irridu Pakistan mingħajr diskriminazzjoni ta’ kasta, twemmin jew fidi. Pakistan li fih kulħadd ikun indaqs,” qal Bhatti fl-ewwel intervent tiegħu fil-Parlament.

Illum Bhatti huwa maħbub minn bosta fil-Pakistan

Bhatti kien ilu magħruf għall-impenn tiegħu favur dawk li kienu l-aktar diskriminati u kien jiġġieled għad-drittijiet umani f’pajjiżu. Kien wieħed mill-fundaturi tal-Alleanza tal-Minoranzi kollha fil-Pakistan, fundatur u president tal-Front Nisrani għal-Liberazzjoni, u wkoll id-direttur eżekuttiv tal-Kunsill Pakistani għad-Drittijiet Umani. Kien irċieva diversi unuri, fosthom il-Premju Dinji Simbolu tal-Paċi 2010.

Fiż-żmien tiegħu bħala Ministru, tejjeb qatigħ il-qagħda tal-minoranzi reliġjużi. Beda kampanja nazzjonali biex jippromwovi l-armonija bejn ir-reliġjonijiet, ippropona leġiżlazzjoni li ma tippermettix diskors ta’ mibegħda, ippropona li jidħol fl-iskejjel l-istudju tar-reliġjonijiet, li jidħlu kwoti għall-minoranzi reliġjużi f’karigi tal-gvern u li fis-Senat ikun hemm erba’ siġġijiet għall-Minoranzi. Bhatti kien ukoll il-moħħ wara n-National Interfaith Consultation ta’ Lulju 2010, li ġabet flimkien il-mexxejja ewlenin tar-reliġjonijiet kollha fil-Pakistan u wasslet għal dikjarazzjoni komuni kontra t-terroriżmu.

Sakemm fit-2 ta’ Marzu ta’ għaxar snin ilu, temmewlu ħajtu ħesrem.

Ix-Xhieda ta’ Shahbaz Bhatti

Din li ġejja hija xhieda Nisranija ta’ Shahbaz Bhatti li huwa ta tliet snin biss qabel qatluh: 

“Jisimni Shahbaz Bhatti. Twelidt f’familja Kattolika. Missieri, għalliem bil-pensjoni, u ommi, mara tad-dar, edukawni fil-valuri Insara u t-tagħlim tal-Bibbja, li mmarkaw tfuliti. Sa minn ċkuniti kont immur il-knisja u hemm insib ispirazzjoni profonda mit-tagħlim, mis-sagrifiċċju, mit-tislib ta’ Ġesù. Kienet l-imħabba ta’ Ġesù li wasslitni sabiex noffri s-servizzi tiegħi lill-Knisja.”

“Il-kundizzjonijiet tal-biża’ li fihom jinsabu l-Insara fil-Pakistan ma ħallewnix kwiet. Niftakar darba fil-Ġimgħa l-Kbira, meta kelli biss tlettax-il sena, smajt prietka fuq is-sagrifiċċju ta’ Ġesù għall-fidwa tagħna u għas-salvazzjoni tad-dinja. U ħsibt li npatti għall-imħabba tiegħu billi ngħin lil ħuti, billi npoġġi lili nnifsi għas-servizz tal-Insara, speċjalment tal-fqar, ta’ dawk li huma fil-bżonn u ta’ dawk li huma maħqura f’dan il-pajjiż Islamiku.”

“Offrewli karigi għoljin fil-gvern u talbuni nħalli l-battalja tiegħi, imma jien dejjem irrifjutajt, anki b’riskju għal ħajti. It-tweġiba tiegħi dejjem kienet: ‘Le, jiena rrid inservi lil Ġesù bħala bniedem komuni.’ Din id-deċiżjoni kienet iżżommni ferħan. Ma rridx popolarità, ma rridx pożizzjonijiet ta’ setgħa. Irrid post biss f’riġlejn Ġesù. Irrid li l-ħajja tiegħi, il-karattru tiegħi, l-għemejjel tiegħi jitkellmu għalija u jgħidu li kont miexi wara Ġesù Kristu.”

Irrid immut għal Kristu

“Din ix-xewqa hija tant kbira ġewwa fija li kont inħossni privileġġjat – f’din it-taqbida sabiex ngħin dawk li huma fil-bżonn, il-fqar, l-insara ppersegwitati tal-Pakistan – li Ġesu’ jaċċetta s-sagrifiċċju tal-ħajja tiegħi.”

“Irrid ngħix għal Kristu u għalih irrid immut. Ma nħoss ebda biża’ f’dan il-pajjiż. Ħafna drabi l-estremisti xtaqu joqtluni, jitfgħuni l-ħabs; heddewni, ippersegwitawni u tterrorizzaw lill-familja tiegħi. Jiena ngħid li, sakemm għadni ħaj, sa l-aħħar nifs, inkompli naqdi lil Ġesù u lil din l-umanità fqira, sofferenti, lill-Insara, lil dawk li qegħdin fil-bżonn, lill-fqar.”

Kif nirbħu l-qlub

Il-Papa Franġisku ma’ Paul Jacob, ħu Shahbaz Bhatti fl-2018.jpg

“Nemmen li l-Insara, li taw l-id tal-għajnuna lill-Musulmani li ġew milquta mit-traġedja tat-terremot tal-2005, bnew pontijiet ta’ solidarjetà, ta’ mħabba, ta’ komprensjoni, ta’ koperazzjoni u ta’ tolleranza bejn iż-żewġ reliġjonijiet. Jekk sforzi bħal dawn ikomplu jiena konvint li jirnexxielna nirbħu l-qlub u l-imħuħ tal-estremisti. Dak jipproduċi bidla għall-pożittiv: in-nies  ma jibqgħux jobogħdu lil xulxin, ma joqtlux aktar f’isem ir-reliġjon, imma jħobbu lil xulxin, isibu qbil, jaħsdu l-paċi u l-komprensjoni f’dan ir-reġjun.”

“Irrid ngħidilkom li jien insib ispirazzjoni kbira fil-Bibbja u fil-ħajja ta’ Ġesù Kristu. Aktar ma naqra r-Rabta  l-Ġdida u r-Rabta l-Qadima, il-versi fil-Bibbja u l-Kelma tal-Mulej aktar iqawwuni u jsaħħuni. Meta nirrifletti fuq il-fatt li Ġesù Kristu ssagrifika kollox, li Alla bagħat l-istess Iben tiegħu għall-fidwa tagħna, insaqsi lili nnifsi kif nista’ jien nimxi t-triq tal-Kalvarju. Il-Mulej tagħna qal: ‘Ejja miegħi, aqbad is-salib tiegħek u imxi warajja’.”

Kristu fil-Proxxmu

“Il-passi li l-aktar li jogħġbuni fil-Bibbja jgħidu: ‘Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatt u sqejtuni; kont barrani u lqajtuni, għarwien u libbistuni, marid u ġejtu żżuruni, fil-ħabs u ġejtu maġenbi’. Għalhekk, meta nara nies foqra u fil-bżonn, naħseb li taħt id-dehra tagħhom hemm Ġesù li qiegħed jiltaqa’ miegħi. Għalhekk infittex li ngħin dejjem, flimkien ma sħabi, sabiex inwassal l-għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn, lil dawk li huma bil-ġuħ, il-fqar, l-iltiema, tkun xi tkun ir-reliġjon tagħhom għandhom jiġu meqjusa fuq kollox bħala bnedmin.”

“Naħseb   li dawk il-persuni huma parti tal-ġisem tiegħi fi Kristu, li huma l-parti ppersegwitata u fil-bżonn fil-ġisem ta’ Kristu. Jekk aħna nwasslu sa l-aħħar din il-missjoni, allura nkunu akkwistajna post f’riġlejn Ġesu’ u jien inkun nista’ nħares lejh mingħajr mistħija.”

Il-Frott tas-Sagrifiċċju

F’Marzu 2016, ħames snin wara mewtu, infetħet il-kawża ta’ Beatifikazzjoni tal-Qaddej t’Alla Shahbaz Bhatti. Fit-30 ta’ Novembru 2018, Papa Franġisku laqa’ f’udjenza lill-membri tal-assoċjazzjoni “Shahbaz Bhatti Mission”, fosthom lil Paul Jacob Bhatti, ħu Shahbaz.

Il-Papa qalilhom, “Insellem il-memorja ta’ ħuna l-għażiż Shahbaz, u jferraħni l-fatt li llum huwa maħbub u stmat minn bosta fil-Pakistan u li s-sagrifiċċju qed iġib frott ta’ tama… Frott ta’ djalogu, ta’ ftehim, ta’ rikonċiljazzjoni; frott ta’ qawwa, ta’ kuraġġ, ta’ ħlewwa”.

“… Jalla bħal Shahbaz Bhatti u tant martri oħra ta’ żmienna, tiddi fikom il-fidi umli u qalbiena fil-Mulej Ġesù u l-ħila li tagħtu l-imħabba fejn hemm il-mibegħda. Din mhix opra tagħna imma tal-Ispirtu, u għalhekk nitlob lill-Verġni Marija żżommkom dejjem miftuħin u doċli għall-Paraklitu”.

Share With: