Serqet pazjenti fl-isptar biex ikollha flus għad-droga
Mara ta’ 46 sena ammettiet li serqet persuni rikoverati fl-Isptar Mater Dei minħabba l-vizzju tad-droga.
Anna Grech kienet mixlija mill-Ispettur Jonathan Ransley li bejn is-26 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju tal-2020, mill-imsemmi sptar, serqet oġġetti b’detriment tal-istess sptar u nies li kienu fih.
Wara li semgħetha tammetti l-ħtija, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrimarkat li hija serqet persuni vulnerabbli li kienu rikoverati għall-kura.
L-istess maġistrat innutat li Grech ma tgħallmitx mill-iżbalji tal-passat u issuktat bl-aġir kriminali tagħha.
Kien għalhekk li ikkundannatha sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u poġġitha taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin biex tindirizza l-vizzju tad-droga.