Se titnieda t-tieni edizzjoni tal-pubblikazzjoni ‘Aviation Malta’

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li ftit tal-jiem oħra se tkun qed titnieda t-tieni edizzjoni tal-pubblikazzjoni ‘Aviation Malta’, pubblikazzjoni li tinħareġ kull sena u li turi l-avvanzi u x-xogħol li qed isir mill-gvern u anke minn Transport Malta permezz tad-Direttorat tal-Avjazzjoni.

Dan tħabbar ġos-simulaturtal-grupp Avion li fost bosta kumpaniji tal-ajru jintuża mill-Air Malta għall-piloti tagħha sabiex kontinwament ikomplu bit-taħriġ tagħhom. Dan is-simulatur tat-titjira huwa iddisinjat għall-ajruplan Airbus A320, l-aktar ajruplan użat fid-dinja u li ilu miftuħ f’pajjiżna sa mill-2018.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “F’din il-pubblikazzjoni qed inkomplu nuru l-impenn u l-viżjoni tal-gvern għal dan is-settur li tant iħaddem Maltin u Għawdxin u fuq kollox jiġġenera dħul finanzjarju sostanzjali lejn pajjiżna. Nafu kemm l-isem ta’ pajjiżna f’din l-industrija hu wieħed ta’ reputazzjoni għolja u meqjus bħala wieħed mill-aqwa fl-Ewropa meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra u aħna se nkomplu naħdmu sabiex pajjiżna jibqa’ wieħed mil-leadersewlenin f’dan is-settur. Irrid infakkar li anke rigward pagi f’din l-industrija, li fil-medja tagħhom huma d-doppju tal-bqija tal-pagi fl-ekonomija, u b’hekk nixtieq inħeġġeġ aktar żgħażagħ, b’mod speċjali, sabiex jispeċjalizzaw f’din l-industrija.”

Din il-pubblikazzjoni saret taħt il-gwida ta’ Transport Malta u se tkun qed tkompli turi s-suċċess u t-tkabbir ta’ din l-industrija f’pajjiżna, li ta min jgħid fl-aħħar tliet snin u nofs rat qabżiet kbar kemm fil-kwalità u anke fil-kwantità ta’ ajruplani reġistrati mar-reġistru 9H. L-ammont ta’ ajruplani reġistrati issa laħaq dak ta’ aktar minn 500 u għaddejjin diskussjonijiet oħra u ħidma sabiex fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin jiġu attirati kumpaniji oħra kbar.

Share With: