Se tiġi rrestawrata l-arkata ta’ ħdejn il-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-qalba tar-Rabat fejn ħabbar żvilupp ġdid fil-proġett li qed tagħmel Infrastructure Malta madwar il-Kolleġġjata Bażilika u Proto-Parroċċa ta’ San Pawl, fir-Rabat. Fost ix-xogħlijiet li qed isiru, se tiġi rrestawrata l-arkata li hemm fid-daħla għaż-żona pedonali, li oriġinarjament inbniet lejn l-aħħar tas-seklu 19, sabiex jerġa’ jingħatalha l-istat oriġinali tagħha.

F’dan il-proġett, li beda s-sena l-oħra, l-aġenzija Infrastructure Malta sebbħet it-trejqa li hemm malli tidħol minn din l-arkata u li tintuża bħala passaġġ biex minn Triq il-Kbira tasal għall-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl.

Il-Ministru Ian Borg qal, “L-impenn infrastrutturali tagħna japplika għal infrastruttura fuq kull livell. Għal darb’oħra, qed ninvestu f’infrastruttura ta’ kwalità aħjar, aktar sigura u li tmur iżjed mal-ambjent storiku tal-inħawi u dan il-Gvern qed jaħdem għall-komunitajiet u l-irħula li tant huma għal qalbu sabiex joħorġu l-identitajiet diversi u rikki tagħhom. Dan il-proġett se jkun ieħor mill-ħolqa ta’ proġetti li mhux biss jinvesti fil-komunitajiet tagħna iżda anke fil-prodott turistiku tagħna hekk kif din il-parti tar-Rabat hija fost l-aktar imfittxija mit-turisti meta jżuru pajjiżna.”

Permezz ta’ din il-ħidma, Infrastructure Malta qed ittejjeb passaġġ ewlieni li jwassal għall-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika u għal Triq Santa Rita, fejn nhar ta’ Ħadd jarma l-monti. Dan il-passaġġ kompla ġie msebbaħ ukoll bit-tħawwil ta’ 12-il siġra taż-żebbuġ.

Infrastructure Malta qed testendi dan il-proġett billi bħalissa qed tkun pavimentata anke l-parti ta’ fejn hemm il-kennierja u minbarra l-arkata se tiġi restawrata wkoll l-istruttura ta’ fuq iz-zuntier.

Share With: