Se jitressaq il-Qorti r-raġel arrestat ilbieraħ fuq allegat attentat ta’ qtil fil-Gżira

Illum wara nofsinhar se jkun qed jitressaq il-Qorti taħt arrest ir-raġel ta’ 29 li lbieraħ ġie arrestat b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil li seħħ kmieni lbieraħ fil-Gżira.

Għall-ħabta tas-7:00 a.m tal-bieraħ, il-Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema rċeviet telefonata fejn persuna bdiet tgħid li waqt li kien qiegħed fl-appartament tiegħu fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, xi ħadd daħal ġewwa bil-forza, beda jxerred il-petrol, ta n-nar u ħarab minn fuq il-post. L-istess persuna qalet li flimkien ma’ mara li kienet miegħu fl-appartament, irnexxielhom jitfu n-nar.

Il-Pulizija tad-Distrett u tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u Omiċidju marru mill-ewwel fuq il-post u sabu lill-vitttmi – raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 40 sena. Ir-raġel kellu jittieħed għal kura fl-Isptar Mater Dei minħabba li sofra ħruq f’partijiet ta’ ġismu u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.

Mill-investigazzjonijiet illi saru, fi ftit ħin il-pulizija irnexxielha tidentifika l-allegat agressur, li huwa residenti l-Gżira, iċċirkodaw ir-residenza tiegħu fi Triq l-Empire Stadium, Gżira u ġie arrestat. Minn tfittxija fir-residenza, il-pulizija sabu aktar minn nofs kilo sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga.

Share With: