Sa issa kien hemm 2,227 każ ta’ Covid-19 fl-iskejjel

Minn meta fetħu l-iskejjel f’Ottubru 2020 sal-11 ta’ Frar 2021 ġew irrappurtati u investigati 2,227 każ ta’ Covid-19 fl-entitajiet edukattivi kollha. Dan jinkludi childcare centres, kindergartens, skejjel primarji u sekondarji kif ukoll entitajiet edukattivi post-sekondarji.

Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri. 

Fearne qal li l-persuni pożittivi jinkludu studenti, għalliema u ħaddiema oħra li għandhom x’jaqsmu mal-qasam edukattiv bħal staff klerikali, cleaners, ħaddiema tal-maintenance u bus drivers.

Huwa spjega li malli l-iSchools Contact Tracing Team ikun infurmat b’każ pożittiv għall-Covid-19 fi skola jikkomunika mal-liaison officer ta’ dik l-iskola sabiex jinfurmah bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet ibbażata fuq ir-risk assessment li jkun sar.

B’hekk, il-liaison officer ikun jista’ jinforma lill-ġenituri li kien hemm każ pożittiv fl-iskola u li l-każ ikun inħadem min-naħa tal-iSchools Contact Tracing Team.

Min-naħa tiegħu l-iSchools Contact Tracing Team jikkuntattja lil dawk il-ġenituri li t-tfal tagħhom ikunu ġew identifikati li jridu jitpoġġew fi kwarantina mandatorja biex jinfurmahom b’din id-deċiżjoni.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tenna li ħafna drabi l-kuntatt mal-ġenituri kkonċernati min-naħa tal-iSchools Contact Tracing Team isir dakinhar jew l-għada li l-każ pożittiv ikun identifikat u tkun waslet l-informazzjoni mill-iskejjel.

Share With: