Rosianne Cutajar tirriżenja minn Segretarju Parlamentari

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ftit tal-ħin ilu qalet li se tkun qed tirriżenja minn Segretarju Parlamentari sakemm tintemm l-investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

F’kumment fuq il-midja soċjali Cutajar qalet li matul dawn l-aħħar ġimgħat kienet soġġetta għal diversi attakki inġusti, spins politiċi u kummenti qarrieqa.

Fir-rigward tal-messaġġi li kienu ppubblikati fil-midja matul dawn il-ġimgħat, Cutajar qaħet li dawn jinħarġu b’mod selettiv, bil-messaġġi jkunu bla kuntest, li jmorru għall-2019 meta ma kellha l-ebda kariga eżekuttiva.

Fl-istess waqt hija emfasizzat li bħalma saħqet pubblikament, hija qatt ma għamlet negozju ma’ Yorgen Fenech. “Minkejja li kont nafu, l-mument li sar magħruf li hu akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jien qtajt kull kuntatt,” tenniet Cutajar.

Hija iedet tgħid li tul is-snin li kienet taf lil Fenech, qatt ma użat il-kariga politika tagħha biex tinfluwenza xi proċess jew deċiżjoni.

“Fil-karriera politika tiegħi dejjem aġixxejt b’mod integru u korrett,” tenniet Cutajar.

Żiedet tgħid li fiż-żmien li ġej se tkun qed tiddefendi isimha. “Ma jien se nħalli ebda allegazzjonijiet foloz u malinni jtappnu r-riformi li ilna tant naħdmu għalihom u li se nwettqu għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha,” hija temmet tgħid.

Share With: