Robert Vella maħtur kap eżekuttiv ġdid tal-Awtorità tal-Artijiet

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar il-ħatra ta’ Robert Vella bħala l-uffiċjal kap eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tal-Artijiet. Din il-ħatra ġiet wara sejħa pubblika maħruġa fl-aħħar tas-sena li għaddiet.

Il-Ministru Schembri qal li l-Awtorità tal-Artijiet issa għandha twitti t-triq għall-identifikazzjoni ta’ metodi biex tkun żgurata l-effiċjenza tagħha, tnaqqas il-proċeduri burokratiċi bla bżonn u taqdi aħjar lill-pubbliku.

“Filwaqt li tibni fuq ix-xogħol sinifikanti li sar matul is-snin li għaddew, il-ħatra tal-uffiċjal kap eżekuttiv il-ġdid tindika wkoll fażi ġdida tal-Awtorità tal-Artijiet ta’ approċċ aktar iffukat fuq il-konsumatur li jagħmilha aktar faċli għall-pubbliku biex jaċċessa s-servizzi tal-Awtorità waqt li żżid l-effiċjenza. Barra minn hekk, il-proċess tal-ħatra jikkumplimenta l-impenn tal-gvern fit-tħaddim tat-trasparenza”. Il-Ministru Schembri rringrazzja lis-Sur James Piscopo għas-servizz tiegħu bħala CEO matul is-snin li għaddew filwaqt li feraħ lil Robert Vella għall-kariga l-ġdida tiegħu.

B’aktar minn 35 sena esperjenza jaħdem fis-settur pubbliku u jokkupa diversi rwoli fl-Awtorità tal-Ippjanar, Robert Vella kien involut fi proġetti kapitali ewlenin u għal xi żmien kien stazzjonat fir-Renju Unit bħala parti minn work placement barra mill-pajjiż fid-Dipartiment tal-Ippjanar tal-Kunsill tal-Belt ta’ Southampton. Is-Sur Vella ggradwa fl-Amministrazzjoni tal-Artijiet (Ippjanar) mill-Università ta’ Malta u wara f’B.Sc fl-Ippjanar Ambjentali (Riġenerazzjoni Urbana) mill-Università Birmingham City fir-Renju Unit. Huwa wkoll membru permanenti tal-Union Professjonisti Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll serva għal 7 snin bħala membru tal-kumitat eżekuttiv.

Share With: