RITRATTI: Serje televiżiva Ġermaniża tinġibed ġewwa Malta

Miktub minn Maria Azzopardi, Ritratti Roger Azzopardi

F’Malta qiegħed jinġibed it-tielet staġun tas-serje televiżiva Ġermaniża bl-isem ta’ ‘Das Boot’. Dan ifisser li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, pajjiżna diġà attira t-tieni produzzjoni.

F’kummenti ma’ dan is-sit, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal: “Hawnhekk qed naraw din l-industrija li hija waħda reżiljenti, liema industrija anke waqt il-Covid-19 baqgħet għaddejja b’mod tajjeb ħafna tant li qegħdin fit-tieni xahar tas-sena u għandna t-tieni produzzjoni wara li aktar kmieni din is-sena rajna l-produzzjoni ta’ ‘Foundation’.”

Żied jgħid li l-industrija tal-films qegħdin jaraw li tkompli tissaħħaħ u għalhekk qegħdin jinvestu f’sound stages biex ikunu jistgħu jiġu iżjed produzzjonijiet u jqattgħu aktar żmien hawn Malta. Il-Ministru Bartolo qal li fl-istess waqt għaddew l-emendi legali li kien hemm bżonn biex il-cash rebate scheme tkun estiża għal tliet snin oħra u b’hekk ifisser li pajjiżna jibqa’ dejjem attraenti kemm fuq livell infrastrutturali bħala anke faċilitajiet li noffru u fl-istess waqt anke mil-lat fiskali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li huwa tassew ta’ sodisfazzjon li din is-serje se terġa’ tinġibed f’Malta. Fil-fatt din se tkun it-tielet darba hekk kif anke ż-żewġ staġuni l-oħra kienu nġibdu hawnhekk. L-ewwel staġun ta’ Das Boot kien inħareġ f’Novembru 2018, bit-tieni staġun isegwi f’April 2020. 

Intqal kif iċ-ċifri marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sena huma ferm aktar pożittivi hekk kif fl-2018 kienet tikkonsisti f’72 ġurnata ta’ produzzjoni, 300 crew u extra u mat-€3 miljun minfuqa fl-ekonomija. Min-naħa l-oħra dawn iċ-ċifri għal din is-sena żdiedu għal 120 ġurnata ta’ produzzjoni, aktar minn 800 crew u extras u aktar minn €7 miljun minfuqa fl-ekonomija.

Grech qal li jinsabu kommessi li jilħqu l-ambizzjoni tagħhom u li Malta tassew issir industrija tal-films ta’ klassi dinjija. Jidher li din is-sena se jkollna sitwazzjoni deskritta bħala ‘back to back’ fejn kull xahar mistennija ssir produzzjoni.

Das Boot hija serje televiżiva Ġermaniża u sservi bħala sequel tal-film bl-istess isem li nħadem fl-1981. Bħall-film, is-serje hija bbażata fuq il-ktieb Das Boot tal-1973 ta’ Lothar-Günther Buchheim, iżda b’żidiet mis-sequel Die Festung ta’ Buchheim fl-1995. 

Peress li l-istorja tal-film oriġinali tispiċċa f’Diċembru 1941, l-ambjent tas-serje jseħħ disa’ xhur wara, fl-1942. L-istorja tas-serje hija maqsuma f’żewġ narrattivi fejn parti minnha tiffoka fuq ir-rakkonti tar-Reżistenza Franċiża u l-parti l-oħra tittratta l-ħajja klawstrofobika abbord sottomarin Ġermaniż.

Share With: