Rekord f’bejgħ ta’ proprjetà fl-ewwel xahar tas-sena

L-ewwel xahar tas-sena kien deskritt bħala “rekord” fil-bejgħ tal-proprjetà mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA). Fil-fatt matul ix-xahar kienu reġistrati 1,157 konvenju b’valur ta’ €274 miljun, żieda ta’ 174 u €59 miljun fuq Jannar 2019.

Dan ikompli mas-suċċess miksub matul is-sena li għaddiet fejn minkejja l-pandemija l-industrija daħħlet €3 biljun bħalma għamlet matul l-2019. Id-Direttur Ġenerali tal-MDA Marthese Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-figuri ta’ Jannar u rrimarkat li b’xogħol iebes u inċentivi ġusti din is-sena tista’ tkun sena oħra pożittiva għall-industrija.

Hija ħeġġet ukoll lill-Gvern biex jestendi l-proposti tagħha biex ikun hemm tnaqqis fid-dazji relatati mat-trasferiment u l-boll li attiraw kemm lill-bejjiegħa kif ukoll lix-xerrejja.

L-Avukat Portelli sostniet ukoll li huma qed jaħdmu fuq proposti oħra biex jindirizzaw l-ippjanar u infrastruttura li tirrispetta aktar l-ambjent.

Share With: