Raġel jitfa’ lil martu tqila minn fuq irdum fit-Turkija

Raġel Tork qed jiġi investigat wara li allegatament waddab lil martu, li hija tqila, minn fuq irdum għal isfel biex ikun jista’ jieħu l-flus tal-assigurazzjoni. 

Hakan Aysal ta’ 40 sena kien arrestat b’rabta mal-qtil ta’ martu Semra ta’ 32 sena u tat-tarbija li kienet għadha ma twelditx waqt li kienu fuq btala fil-belt ta’ Mugla, it-Turkija.

Qed ikun allegat li Aysal imbotta lil martu, li kellha seba’ xhur tqala, għal isfel mill-irdum f’każ li jmur lura għal Ġunju tal-2018.

Il-koppja kienu qegħdin jieħdu ritratti flimkien, bil-Prosekuturi jgħidu li l-‘inċident’ kien fil-fatt ‘qtil’ allegatament imwettaq minn Aysal biex ikun jista’ jdaħħal il-flus tal-assigurazzjoni li kien ħa ftit qabel il-mewt ta’ Semra.

Fl-akkuża li tressqet kontra r-raġel b’rabta mar-reat ta’ “qtil intenzjonat”, jingħad li huwa kien “ippjana l-qtil ta’ martu billi l-ewwel ħareġ assigurazzjoni ta’ inċident personali f’isimha b’garanzija ta’ 400,000 Turkish Lira (€47,324) fejn l-uniku benefiċjarju kien huwa stess.”

Il-Prosekuturi qed jallegaw ukoll li l-unika raġuni li l-koppja qagħdu fuq l-irdum għal tliet sigħat sħaħ kienet biex ir-raġel ikun jista’ jiżgura li ma jkun hemm ħadd fil-viċinanzi. Huma jżidu jallegaw li malli Aysal induna li kienu waħedhom, huwa deliberatament qatilha billi mbuttaha għal isfel. 

Il-Qorti Kriminali ta’ Fethiye ordnat li r-raġel jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fuq allegat qtil premeditat.

Share With: