Raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ bejgħ illegali ta’ munizzjon

Raġel li allegatament kien involut f’bejgħ illegali ta’ armi ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih.

Terence Cini, ta’ 35 sena minn Ħal Qormi, kien arrestat wara li Pulizija waslitilha informazzjoni dwar il-bejgħ tal-armi li kellu jsir nhar il-Ġimgħa li għadda.

Huwa kien akkużat bil-pussess mhux liċenzjat ta’ arma tan-nar jew munizzjon u kif ukoll li kiser diversi ordnijiet tal-Qorti li ngħatawlu bejn l-2013 u l-2020 b’rabta ma’ traffikar ta’ droga u kif ukoll b’rabta ma’ kundizzjonijiet ma’ ħelsien mill-arrest li ngħatalu f’Jannar li għadda fuq proċeduri ta’ ħasil ta’ flus.

Huwa kien akkużat ukoll li rrenda lilu nnifsu reċidiv.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500, garanzija personali ta’ €4,000 u jiffirma fl-Għassa kuljum.

Raġel ieħor li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressaq il-Qorti nhar it-Tnejn li għadda, apparentament b’rabta mal-istess episodju. Huwa ngħata sentenza sospiża wara li ammetta l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu b’rabta mal-bejgħ mhux liċenzjat ta’ żewġ kaxxi skrataċ.

Ir-raġel kien qal lill-Pulizija li kien iltaqa’ mal-akkużat f’Ħal Qormi nhar il-Ġimgħa li għadda biex isir il-bejgħ.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shawn Pawney.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat.

Share With: