Raġel iweġġa’ ftit lil missieru wara li kien provokat

Raġel li ikkaġuna ferita ħafifa lil missieru kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sitt xhur wara li rriżulta li kien provokat.

Jean Paul Ellul, ta’ 34 sena, kien mixli li fit-18 ta’ Frar 2019, fil-limiti tal-Qrendi, ikkaġuna ferita gravi fuq missieru Saviour u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud irriżulta li waqt li l-akkużat kien għaddej bit-trakk minn ħdejn barriera missieru ħareġ fin-nofs biex iwaqqfu.

Waqt l-argument li nqala bejniethom il-missier imbotta lill-iben u dan għamel l-istess bil-missier jaqa’ mal-art.

Wara li sema x-xhieda tal-missier, l-iben u l-omm, il-Maġistrat Mifsud irrimarka li mill-provi jirriżulta li l-iben ipprova jagħmel minn kollox biex jevita konfront ma’ missieru tant li minflok mar ibattal il-barriera mar jagħmel rapport l-għassa.

Huwa żied li għalkemm il-pulizja wissew lill-missier biex ma jmurx l-għalqa hekk għamel fejn beda jħabbat max-xatba tal-ħadid isejjaħlu biex joħroġ u jgħidlu li ma jibżax minnu.

“Kien f’dan il-ħin li intervjenta l-imputat meta qal lil missieru sabiex jitlaq u li ma kellux għalfejn jiġi hemm u sabiex jieqaf ikompli jipprovokah għall-ġlied”.

Il-Maġistrat Mifsud kompla li l-omm ikkonfermat li talbet lill-missier jitlaq minn fuq il-post u li kien aggressiv kontriha meta tefaha mal-art wara li ippruvat tferraqhom.

L-omm u l-iben anke xehdu li l-missier xejjer daqqa ta’ ponn lejn it-tifel u laqtu fi spalltu.

Kien għalhekk li waqt li ma sabx lil Ellu ħati li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied, il-Maġistrat Mifsud sabu ħati tal-ewwel akkuża imma minflok ferita gravi ferita ħafifa u illiberah bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sitt xhur.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef li investiga l-każ.

Share With: