Raġel akkużat bil-qtil ta’ ibnu jingħata l-ħelsien mill-arrest

Raġel li jinsab mixli bil-qtil ta’ ibnu ngħata l-ħelsien mill-arrest wara seba’ xhur taħt arrest preventiv.

Il-Maġistrat Marseanne Farrugia tat il-ħelsien mill-arrest lil Salvu Dalli fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000. Il-fondi ngħataw minn tliet persuni li kienu lesti li jkunu garanti.

Salvu Dalli ta’ 68 sena jinsab akkużat li qatel lil ibnu Antoine Dalli ta’ 37 sena permezz ta’ tiri b’arma tan-nar waqt li kien fid-dar tiegħu fi Triq il-Gudja, Ħal Għaxaq. Antoine instab mejjet fix-shower wara li ntlaqat minn tir fl-istonku liema tir ġie sparat minn distanza ravviċinata.

Waqt li kienet qed tagħti d-deċiżjoni tagħha għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Farrugia qalet li l-biċċa l-kbira tax-xhieda kienu diġà taw ix-xhieda tagħhom u li l-kumpilazzjoni tax-xhieda mistennija tiġi fi tmiemha fi żmien qasir.

Ladarba ġar tal-akkużat għad irid jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu, Dalli kien ordnat biex ma jersaqx lejn Ħal Għaxaq. Huwa se jkun qed jgħix flimkien ma’ qraba tiegħu f’lokalità oħra.

Il-Qorti ordnat ukoll li Dalli għandu jiffirma l-ktieb fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u għandu jkun fir-residenza tal-qraba tiegħu bejn il-11.00 p.m. u s-6.00 a.m.

Share With: