Qorti Ġermaniża ssib ħati lil uffiċjal tas-servizzi sigrieti Sirjani
Qorti Ġermaniża llum sabet ħati lil eks-uffiċjal tas-servizzi sigrieti Sirjani ta’ kompliċità f’reati kontra l-umanità, fl-ewel każ fuq livell dinji dwar torturi ordnati mill-istat taħt il-Gvern immexxi mill-President Sirjan Bashar al-Assad.
Eyad al-Gharib, ta’ 44 sena, instab ħati dwar ir-rwol tiegħu biex jiġu arrestati dimostranti u biex dawn jittieħdu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Damasku fil-ħarifa tal-2011.
L-imħallef Anne Kerber qalet li “l-akkużat ġie sentenzjat għal erba’ snin u sitt xhur priġunerija talli għen u kien kompliċi f’tortura u teħid ta’ libertà.”
Gharib ħeba wiċċu mill-kameras permezz ta’ folder hekk kif kienet qed tinqara s-sentenza. Gharib kien akkużat li għen fl-arrest ta’ 30 dimostrant u t-teħid tagħhom fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Al-Khatib wara dimostrazzjoni f’Duma.