“Qed naraw diversi soluzzjonijiet” – il-Ministru Roderick Galdes dwar il-kwistjoni tal-kirjiet ta’ qabel l-1995

Minn Claudio Coleiro

“Il-messaġġ li qed inwasslu bħala Gvern huwa li hemm is-soluzzjonijiet. Jiswew il-flus lill-pajjiż. Però għandna obbligu li naraw li l-anzjani tagħna, li llum ħafna minnhom laħqu età vulnerabbli wkoll, għandna dmir li nipproteġuhom.” 

Iddikjara dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes meta mistoqsi minn dan is-sit dwar il-kwistjoni tal-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995 u kif il-Gvern se jassigura li jagħti serħan il-moħħ lil dawn l-individwi li qegħdin f’kirja protetta u li bħalissa hemm inċertezza dwar il-futur tagħhom. 

Il-Ministru Galdes beda biex qal li dan il-Gvern irid jara li jilleġiżla biex ikun hemm drittijiet mhux biss għas-sidien imma anke għall-inkwilini. Huwa żied jgħid li rridu ngħinu wkoll lill-Qrati tagħna jaslu għal kompromess li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-inkwilin u s-sidien.

Huwa fakkar li din hija kwistjoni li ilha ġejja sa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u li l-ġenerazzjoni tal-lum bilkemm jiftakruha, iżda li n-nanniet u l-ġenituri tagħha kienu għexuha. 

Enfasizza li: “fil-kwistjoni ta’ qabel l-1995, qed nitkellmu fuq problema ta’ djar mhux ta’ issa imma ta’ 40, 50 jew 60 sena ilu. Qed tinqala’ issa għax twalet ħafna żżejjed.”

“Ma tistax taqbad il-pre-1995 fil-kuntest tal-lum mingħajr ma tara l-aspett storiku tagħha, minn fejn ġejja l-problema u kif tista’ ssolviha fil-jiem li ġejjin. Il-Gvern ilu jaħdem fuqha. Kellna white paper fuq il-liġi tal-kera ta’ wara l-1995 li wkoll semmiet il-problema ta’ qabel l-1995. 

“Aħna ridna nirregolarizzaw is-suq liberalizzat biex imbagħad nibdew nirregolarizzaw dak li ħaddieħor ma riedx jirregolarizza. U nwaqqfu problema li kellha l-liġi ta’ Gonzi PN li tefgħet il-piż kollu fuq is-sidien mingħajr il-Gvern ma ħareġ ċenteżmu biex isib bilanċ u b’hekk ħafna nies kienu jispiċċaw barra t-triq.

“Dik għandna l-obbligu li nwaqqfuha u naraw li nsibu l-bilanċ meħtieġ permezz ta’ dak li se nkunu qed nipproponu fil-jiem li ġejjin,” tenna l-Ministru Galdes.

Dan il-ġurnal staqsieh ukoll dwar ir-riforma fil-liġi dwar il-kirjiet residenzjali privati fejn jirriżulta li fl-ewwel sena tal-Awtorità tad-Djar bħala regolatur tas-suq tal-kirjiet privati, ġew irreġistrati riżultati pożittivi hekk kif sal-aħħar ta’ Diċembru 2020, ġew irreġistrati aktar minn 30,000 kuntratti ta’ kirjiet residenzjali privati. 

“Il-benefiċċju li hemm meta wieħed jirreġistra l-kuntratt tal-kirja hu li mhux biss għandek kollox reġistrat imma serħan il-moħħ li r-relazzjoni bejn is-sid u l-inkwilin tiġi rikonoxxuta mill-Istat. Iktar minn hekk, jekk jinqala’ xi ħaġa bejniethom hemm ukoll Tribunal tal-Affarijiet Żgħar li jista’ jsolvi tilwim mingħajr ma joqogħdu jidħlu fil-Qrati u l-każi jdumu numru ta’ snin,” spjega l-Ministru Galdes.

“Benefiċċju ieħor partikolari, li hemm aċċess għall-Maltin li qegħdin bil-benefiċċju soċjali li jistgħu jieħdu l-benefiċċju soċjali wkoll dovut lilhom biex ilaħħqu mal-kera. Qabel minħabba li kien hawn numru ta’ krijiet mhux reġistrati, kienu jmorru jippruvaw jikru l-Maltin u jgħidulhom ma rridux nkunu rreġistrati jew ma rridux jidher.

“Sfortunatament dik l-anzjan/a jew persuna li jkollha bżonn tikri kienet tispiċċa mingħajr sostenn tal-gvern għaliex dan ma kienx ikun hemm kuntratt validu. Illum il-ġurnata hemm penali u pożizzjoni ċara fil-liġi jekk persuna jipprova jabbuża f’dan ir-rigward,” tenna l-Ministru Galdes li fakkar kif naqset ukoll it-taxxa għas-sidien li qed jikru l-appartamenti tagħhom għal-livell ta’ 15% li hi kważi l-inqas livell fl-Ewropa kollha. 

“Iktar minn hekk, għal min imur għal durata aktar fit-tul, ta’ sentejn jew tliet snin, qed jerġa’ jieħu kreditu tat-taxxa fuq id-dħul tiegħu. Dawn kollha huma inċentivi qawwija li daħħlet din il-liġi,” tenna l-Ministru Galdes li nnota wkoll li żdiedu b’1,100 dawk li qegħdin fuq benefiċċju mill-Awtorità tad-Djar, biex minn 1,500 telgħu għal 2,600.

Share With: