Prostituta kkundannata 40 jum ħabs
Mara ta’ 47 sena li reġgħet inqabdet titlajja għall-prostituzzjoni ġiet ikkundannata 40 jum ħabs wara li l-maġistrat li qatgħet il-kawża irrimarkat li baqgħet ma tridx titgħallem.
Sylvana Armeni kienet mixlija li fit-2 ta’ Ottubru 2019, fil-Belt il-Ħażna fil-Marsa, tlajjat għal skop ta’ prositituzzjoni u kisret diversi sentenzi tal-Qrati ta’ Malta.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo irriżulta li f’dak il-lejl erba’ pulizija kienu qed jagħmlu ronda fil-Marsa b’rabta mal-prostituzzjoni.
Huma innutaw żewġ nisa lebsin ilbies provokanti u wara li ħadulhom id-dettalji personali talbuhom jinġabru fi djarhom nfurmawhom li kienu se jinħarġu akkużi kontrihom.
Kif komplew bir-ronda innutaw mara oħra titlajja, li kienet l-akkużata, u wkoll ħadulha d-dettalji personali, qalulha tidħol id-dar u anke lilha nfurmawha li se jittieħdu passi kriminali.
L-imsemmija maġistrat irrimarkat li Triq Belt il-Ħażna hija magħrufa għall-prostituzzjoni kif jirriżulta minn diversi sentenzi tal-Qorti u qalet li ma hemmx dubju li Armeni kienet hemm għal dan l-iskop.
Meta ġiet biex tagħtiha s-sentenza hija irrimarkat li l-mara nstabet ħatja 11-il darba b’parti sostanzjali mill-akkużi jkunu proprju relatati ma’ tlajjar għal prostituzzjoni.
“Il-Qrati dejjem imxew b’mod kajman magħha probabbilmnet biex jagħtu lill-imputata diversi tentattivi biex tipprova tirranġa ħajjitha iżda l-imputata, almenu skond dak li jirriżulta mill-fedina penali tagħha, baqgħet tippersisti f’ħajja kriminali u raffrettarja, u dan minkejja ċ-ċansijiet diversi li ngħatat matul is-snin”.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Farrugia Frendo ikkundannatha għal 40 jum ħabs dwar dan il-każ li fih il-prosekuzzjoni kienet immexxija mis-Supretendent Robert Vella.