Programm alternattiv għall-Karnival ta’ Malta 2021 – Inizjattivi konformi mal-linji gwida talAwtoritajiet tas-Saħħa

L-edizzjoni tal-Karnival ta’ Malta ta’ din is-sena, li ser issir bejn it-12 u s-16 ta’ Frar, ser tkun qed tieħu żvolta differenti minn dak li tradizzjonalment jiġi ppreżentat, billi tiżgura li dan il-wirt kulturali jieħu r-rikonoxximent dovut waqt li jiġu rispettati r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija.
Għal dawn l-aħħar xhur, Festivals Malta flimkien mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u lGvern Lokali ħadmu b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet konċernati u d-dilettanti talKarnival biex jintlaħaq bilanċ ġust li joffri pjattaforma adegwata għal dan l-element tradizzjonali filkultura tagħna. Waqt konferenza stampa fejn tħabbru l-inizjattivi tal-Karnival għall-2021, il-Ministru José Herrera ffoka fuq l-importanza tar-reżiljenza li wera s-settur artistiku u kulturali lokali waqt dan iż-żmien ta’ sfida; “L-artisti tagħna, inkluż il-mijiet ta’ dilettanti li ta’ kull sena jaħdmu bla waqfien biex jipproduċu spettaklu tal-Karnival mill-aqwa, mhux biss jixraqilhom is-sapport kollu tagħna billi noħorġu b’modi alternattivi ħalli nippreservaw din it-tradizzjoni tul dawn iż-żminijiet, iżda wkoll il-perseveranza tagħna biex negħlbu l-isfidi kurrenti għal esperjenza tal-Karnival aħjar fis-snin li ġejjin.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala tenniet li qed isir minn kollox biex jiġi aċċertat li l-programm pjanat jimxi mal-linji gwida eżistenti filwaqt li d-dilettanti tal-Karnival jkollhom post sigur fejn jistgħu jesprimu l-kreattività tagħhom; “Festivals Malta minn dejjem emmnet fl-importanza tal-kultura Maltija, wisq aktar issa. Permezz ta’ din l-edizzjoni speċjali tal-Karnival, aħna qed nittamaw li noffru raġġ ta’ dawl, kif ukoll ftit ħin ta’ żvog, kemm lill-parteċipanti kif ukoll li d-dilettanti kollha tal-Karnival, billi nfakkru dan iż-żmien sabiħ fid-djar u l-irħula tagħna.”
Din is-sena, l-attivitajiet tal-Karnival ġew ridimenzjonati biex ikunu jistgħu jimxu mal-linji gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Minflok karrijiet tradizzjonali, se naraw installazzjonijiet artistiċi statiċi f’diversi lokalitajiet madwar Malta u pjazzez fil-Belt Valletta biex ikunu jistgħu jitgawdew millpubbliku waqt li għaddejjin bil-ħajja ta’ kuljum. Festivals Malta se jkun qed jorganizza wirja talkostumi tal-Karnival b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv fejn dilettanti se jkunu jistgħu jaraw u japprezzaw dan ix-xogħol impekkabbli aktar mill-viċin. Apparti minn hekk, fuq il-midja soċjali se tittella’ serje ta’ filmati qosra, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta, li juru kif jistgħu jinħolqu kostumi, maskri u props tal-Karnival minn materjal riċiklabbli li jinsab madwar id-dar.
Fil-jiem tal-Karnival, se jixxandru dokumentarji fuq TVM2 bejn it-12 u s-16 ta’ Frar, relatati malartistrija tal-parteċipanti tal-Karnival, l-istorja ta’ din it-tradizzjoni ewlenija fil-kultura Maltija, verżjoni drammatizzata tal-Qarċilla, u filmat mill-Karnival tat-Tfal tas-sena li għaddiet.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil ikkummenta dwar il-futur tal-Karnival f’Malta u kif se jiżviluppa wara din l-edizzjoni speċjali tal-2021. “L-għan tagħna għal din l-edizzjoni kienet li nippreservaw it-tradizzjoni u l-kultura Maltija. Aħna nafu d-dedikazzjoni tal-parteċipanti tagħna u qed nagħmlu mill-aħjar biex ix-xogħol tagħhom jiġi apprezzat bl-aktar mod sigur f’dawn iż-żminijiet.
Jekk is-sitwazzjoni titjieb, inħarsu ’l quddiem b’entużjażmu għall-edizzjoni tal-Karnival fi Frar 2022,” ikkonkluda s-Sur Busuttil.
Il-Karnival ta’ Malta se jsir bejn it-12 u s-16 ta’ Frar 2021. Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti dwar il-programm ta’ din is-sena, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.festivals.mt/karnival u lpaġna tal-midja soċjali www.facebook.com/karnivaltamalta.

Share With: