Prodotti varji destinati għal pajjiżna għadhom maqbudin fir-Renju Unit

Minn Victor Vella

Diversi negozjanti li tkellem ma’ Inewsmalta qed jilmentaw li mindu iddaħħlu l-miżuri fir-Renju Unit b’rabta ma’ Brexit wasslu biex diversi prodotti għadhom maqbudin fir-Renju Unit. “Qed ikun hemm dewmien kbir, minħabba burokrazija u proċeduri ġodda. Kellna xogħol li kellu jasal xi ġimgħat ilu u għadu maqbdu hemm. Din hi problema li qed niffaċċjawha mhux aħna biss imma anke negożjanti oħra.”

Negozjant li jimporta prodotti tal-ikel qalilna li “hemm inċertezza kbira bħalissa. Hemm prodotti li jinsabu imwaħħlin. Nista’ ngħidlek li per eżempju fuq importazzjoni ta’ prodott partikolari tal-ikel, il-kumpanija fir-Renju Unit qed jgħiduli li għolew l-ispejjeż marbuti mat-trasport. Qed jgħiduli li ħafna mix-xogħol li kellu jasal jiem ilu għadu fl-imħażen minħabba dewmien kbir fuq il-fruntieri. Qed jinqalgħu kwistjonijiet u kumplikazzjonijiet minn ‘health certificates’. Dan biex ma nsemmux il-problema tat-trasport bl-ajru”.

L-istess negozjant qalilna li “qabel Brexit biex trakk jivvjaġġa mir-Renju Unit lejn l-Italja kien jieħu jumejn. Illum qed jieħu aktar minn ħamest ijiem. Vjaġġ li kien jiswa madwar £1,400 issa sar jiswa £2,300. Il-proċeduri tant saru kkumplikati li ħadd ma jaf fejn hu u qed jinbidlu kontinwament”.

Jidher li anke fejn tidħol posta hemm problemi kbar. Filfatt ħafna oġġetti li ġew ordanti bil-posta qed jaslu tard ħafna u dan minħabba li kull ħaġa li tiġi bil-posta mir-Renju Unit qed tkun analizzata mill-uffiċċjali tad-dwana minaħbba dazji u taxxi.

IT-TORĊA tinsab infurmata li l-Covid19 kompliet ikkumplikat is-sitwazzjoni u dan minħabba li tnaqqsu ħafna it-titjiriet mir-Renju Unit. Filfatt waqt li qabel il-posta kienet tasal kuljum mir-Renju Unit issa qed tiġi darbtejn f’ġimgħa u dan permezz ta’ sevizz totalment ġdid”.

Importatur li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “nifhmu li fil-bidu se jkun hemm xi tip ta’ problemi. Inqalgħu diversi minħabba regolarmenti u burokrazija. Li qed jinkewtana, hu li qed nisimgħu li hemm kumpaniji kbar li kienu jesportaw lejn l-Ewropa li qed jgħidu li se jissospendu l-espotazzjoni tagħhom.  Ngħid li sa iss mhux affettwat daqstant bħala kumpanija, imma hemm xi prodotti li iva mhux se jaslu fil-ħin u jaf ikun hawn xi skarsezza tagħhom għal xi ftit żmien”.

Riċerka li saret minn Road Haulage Association uriet loi l-volum ta’ espotazzjoni mill-portijiet fir-Renju Unit lejn l-Ewropa naqsu drastikament meta mqabbel mal-istess perjodu is-sena li għaddiet.

Share With: