Pieni eħrex fuq ħasil ta’ flus … minbarra żieda fil-ħabs piena eħrex jekk ir-reat jinvolvi għaqda kriminali

L-emendi li qed jiġu proposti b’rabta ma’ reati ta’ ħasil tal-flus se jħarrxu l-pieni fil-konfront ta’ dawk li jinqabdu jwettqu dan ir-reat.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Gvern ippreżenta fil-Parlament l-Ewwel Qari tal-abbozz ta’ liġi li għad irid jiġi diskuss mid-deputati qabel jiġi approvat hekk dawn l-emendi jirriflutti l-liġi tal-UE dwar il-ħasil tal-flus.

Waqt li l-piena mistennija tibqa’ ta’ €2.5 miljun, il-perjodu ta’ ħabs li persuna tista’ teħel se jitla’ minn 14-il sena għal 18-il sena.

L-abbozz ta’ liġi jaħseb ukoll biex il-ġudikant ikun jista’ jagħti piena eħrex jekk il-persuna li twettaq il-ħasil ta’ flus tagħmel dan bħala parti minn għaqda kriminali.

L-emendi fil-liġi jaħsbu wkoll biex iħarrxu l-piena f’każ li l-persuna tkun wettqet ir-reat bħala parti mill-professjoni tagħha.

Il-ġudikant jista’ jimponi wkoll sanzjonijiet fosthom iżomm persuna milli jieħu fondi pubbliċi jew japplika għal xi sejħa pubblika.

Il-liġi kif se tkun emendata mistennija tiskwalifika, b’mod temporanju jew permanenti, professjonisti li jkunu nstabu ħatja u tipprojbixxi dawk li jkollhom kariga pubblika.

Jekk ir-reat jitwettaq minn grupp ta’ persuni, inkluż jekk jiffurmaw għaqda jew kumpanija, jistgħu jkunu esklużi minn għajnuna pubblika fosthom tfigħ ta’ offerti u possibiliment ikollhom l-attività kummerċjali sospiża.

Share With: