“Ninvestu f’Għawdex u fl-Għawdxin”

Miktub mill-Ministru Clint Camilleri

Waqt l-indirizz tiegħu ta’ nhar il-Ħadd li għadda fil-Furjana, il-Prim Ministru Robert Abela elenka l-fatt li l-ħidma f’Għawdex għaddejja bla waqfien u r-riżultati jitkellmu weħidhom. Dan hu Gvern li bil-fatti, jemmen u jippremja l-bżulija u l-potenzjal tal-Għawdxin. 

Dan il-Gvern għandu fiduċja sħiħa f’Għawdex u trasformah f’mutur ekonomiku fejn esperjenzajna tkabbir li saħansitra qabeż lil dak li ġie rreġistrat f’Malta liema tkabbir kien xprunat mhux biss mill-Gvern ċentrali iżda mill-ħidma kollettiva ta’ kulħadd.  U l-poplu Għawdxi dan jafu. 

Ħidma mall-Kunsilli Lokali 

Din il-ġimgħa tagħtni l-opportunità, li flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, nżuru żewġ proġetti interessanti li imbarkaw fuqhom il-Kunsill Lokali tal-Għarb u dak ta’ Għajnsielem. Żewġ proġetti li ser jiġu żviluppati minn fondi allokati lilhom taħt il-programm LEADER amministrat mill-Gozo Local Action Group Foundation u mill-fondazzjoni Gal Gozo rispettivament u li jammontaw għal €240,000. 

Fl-Għarb, ser naraw il-ħolqien ta’ meeting hub li l-għan tal-proġett huwa li ’l quddiem isiru attivitajiet soċjali u rikreattivi  mmirati biex jgħinu liż-żgħażagħ u lill-familji jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan se jsir permezz ta’ għażla varjata ta’ sessjonijiet ta’ edukazzjoni li se jiġu offruti fiċ-ċentru. 

Dan filwaqt li f’Għajnsielem, ser jiġi żviluppat l-ewwel Learning Garden li se jkun qed jipprovdi spazju biex it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu b’mod differenti f’ambjent miftuħ. Dan il-ġnien se jkun wieħed inklussiv, hekk kif ix-xogħlijiet li se jsiru f’dan il-bandli se jkunu jistgħu jitgawdew minn kulħadd, fosthom dawk it-tfal li huma neqsin mid-dawl. Dan il-post ta’ rikreazzjoni ser ikollu wkoll l-għan jippreserva l-kultura u l-wirt Għawdxi, hekk kif se jkun qed jinkludi fih post fejn jintlagħbu logħob tradizzjonali. 

Aktar għajnuna 

Il-pandemija ħalliet l-impatt tagħha fuq kull qasam u mhux b’inqas f’dak kulturali, liema qasam lagħab rwol importanti biex Għawdex sar destinazzjoni distinta matul is-sena kollha. Din il-ġimgħa nedejna skema ġeneruża ta’ €750,000 sabiex l-artisti, gruppi lokali, kunsilli, NGOs, u entitajiet f’Għawdex jingħataw l-għajnuna għal inizjattivi kulturali.

Permezz ta’ dawn il-fondi, li huwa l-akbar ammont li qatt ġie allokat bħala għajnuna lis-settur kulturali f’Għawdex, u tliet darbeit aktar mis-sena l-oħra, ser inkomplu insaħħu dan il-qasam hekk importanti. Tajjeb infakkru li għalkemm aħna qed ngħixu ż-żmien tal-pandemija, din l-għajnuna ma waqfitx u l-artisti u l-gruppi lokali kienu mħeġġa jkomplu jimirħu u anke jipproponu diversi attivitajiet u inizjattivi kulturali f’Għawdex, minkejja li b’differenza. Konxji wkoll mill-fatt li biex jiġu organizzatti attivitajiet matul dawn iż-żminijiet, dawn jitolbu aktar spejjeż, u kien għalhekk li żidna l-allokazjoni finanzjarja.

B’hekk ukoll qed inkomplu nippreparaw sabiex ladarba niġu lura għan-normalità nkomplu niġbdu lejn il-gżira tagħna mijiet ta’ Maltin u anke turisti f’kull xahar tas-sena.

Share With: